Filmat: Jippromwovu l-arti marzjali Ċiniża f’Malta

Il-Master tal-Arti Marzjali Zheng Zujie bħalissa jinsab fuq żjara f’Malta biex ikattar l-għarfien tal-arti marzjali u jfiehem is-siwi ta’ din id-dixxiplina fejn tidħol l-anzjanità attiva.

Diversi rappreżentanti minn entitajiet differenti, fosthom L-Ambaxxatur Ċiniż Jiang Jiang, flimkien ma’ Mr Wang Yanjun, Direttur taċ-China Cultural Centre ltaqgħu flimkien mas-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis u s-Sindku tal-Kunsill Lokali tas-Swieqi Noel Muscat biex assistew għal klassi tal-arti marzjali Wing Chun li tmexxiet minn Zheng Zujie fis-sala ewlenija tal-kunsill Lokali tas-Swieqi.

Dawn il-Master Classes qed iservu wkoll biex tiġi promossa l-kollaborazzjoni f’dan il-qasam bejn iċ-Ċina u Malta.

Iċ-Ċina għandha storja rikka u kultura ewlenija. L-arti marzjali bħal Kung Fu u Tai Chi huma meqjusa bħala dixxiplini sportivi nazzjonali f’dan il-pajjiż. Sa mit-twaqqif taċ-China Cultural Centre f’Malta f’Settembru tal-2003, sar sforz biex jitkattar l-għarfien u jintlaħqu diversi persuni kemm fir-reġjun Mediterranju kif ukoll fl-Ewropa.

Master Zheng Zujie huwa uffiċjalment it-tmien ġenerazzjoni tal-Wing Chun ‘ZHI’, dixxendent tal-proġett kulturali Ċiniz.  Zheng Zujie ħa sehem fis-serje televiżiva taċ-China Central Television (CCTV) ‘The Legend of Bruce Lee’ (2008).  Ħa sehem ukoll fil-film ‘Wing Chun Xiao Long’ (2011), fejn ħadem il-parti tal-Wing Chun instructor u stuntman ta’ Chen Guokun, li kellu l-parti ta Bruce Lee.  Sa mill-2009 Zheng Zujie waqqaf diversi skejjel tal-Wing Chun u jiddedika ħafna ħin biex ikattar l-għarfien tal-Wing Chun.

Iċ-China Cultural Centre, b’kollaborazzjoni mal-Malta Martial Arts Association u d-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva, qed jaħdmu id f’id biex jippromwovu l-kultura tal-arti marzjali Ċiniża f’Malta.  Klassijiet tat-Tai Chi jiġu organizzati f’diversi kunsilli lokali madwar Malta u Għawdex.

Il-President tal-Malta Martial Arts Association, Adrian Axisa, qal li dan kien il-bidu ta’ ħidma li qed titwettaq b’entużjażmu biex is-siwi tat-Tai Chi ghal persuni ta’ kull età jkun izjed rikonoxxut.  Huwa qal li din id-dixxiplina twassal lil persuna biex ikun iktar kuntent fih innifsu, u jħossu tajjeb.  U dan iwassal biex tiggwadanja minnu s-socjetà kollha.

Mill-banda l-oħra s-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis, filwaqt li spjega li huwa wkoll kien jipprattika l-Kung Fu, qal li dan jawgura tajjeb għal futur ta’ soċjetà fejn l-anzjanità attivita qed tingħata ħafna importanza. Is-Sindku tas-Swieqi spjega kif jispera li din l-inzijattiva kienet il-bidu ta’ ħidma li għandha tissarraf f’diversi inizjattivi oħra ta’ kollaborazzjoni.