Filmat: Jinżamm arrestat raġel minħabba mandat tal-arrest Ewropew

Read in English.

Raġel ta’ 43 sena li qed jiġi investigat fl-Italja baqa’ jinżamm taħt arrest f’Malta. Hu tressaq il-Qorti Malta mill-Pulizija wara talba mill-awtoritajiet Taljani biex jiġi estradit.

Illum ir-raġel li huwa Taljan tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke. Tressaq minħabba li ħareġ mandat tal-arrest Ewropew għalih. Dan huwa t-tieni mandat tat-tip li nħareġ għalih. Għall-kuntrarju tal-ewwel mandat, it-tieni mandat ma jgħamilx referenza għal akkużi b’rabta mal-mafja.

Aktar kmieni din is-sena l-Qorti tal-Appell kienet ordnat biex ir-raġel ma jiġix estradit.

Ir-raġel ilu jgħix Malta għal dawn l-aħħar 10 snin. Il-familja tiegħu tgħix Malta wkoll u t-tfal tiegħu jattendu skola Maltija. Hu u martu jaħdmu Malta. Ġie arrestat nhar il-Ġimgħa meta l-Pulizija marru d-dar tiegħu fis-Swieqi minħabba l-mandat tal-arrest.

Waqt seduta mqanqla fil-Qorti llum, il-Qorti semgħet lis-Supretendent Christopher Galea Scannura u l-Ispettur Mark Galea mill-international relations unit.

Il-Qorti semgħet kif il-mandat ħareġ mill-Imħallef Caterina Catalano fl-Italja. Ir-raġel qed jiġi akkużat li kien kompliċi f’evażjoni tat-taxxa.

Id-difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużat. It-talba ġiet miċħuda.

L-avukati Matthew Xuereb u Charles Mercieca deheru għall-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

L-avukati Franco Debono, Arthur Azzopardi, Stephen Tonna Lowell, u Amadeus Cachia kienu l-avukati tad-difiża.

Filmat: Monique Agius