Filmat: Jinża’ l-flokk biex ilibbes anzjan iterter bil-bard

Filmat ta’ qsim il-qalb li qed idur kull rokna tad-dinja juri passiġġier fuq ferrovija fi New York jinża’ l-flokk u l-iskufja li kien liebes, u jlibbishom lil raġel li m’għandux saqaf fuq rasu u li kien qed iterter bil-bard.
Passiġġier ieħor li kien xhud ta’ dan l-att nobbli, iffilmja dak li ra u qal li r-raġel kien bilqiegħda waħdu, bla flokk u deher marid.
Fil-filmat, il-passiġġier li ta qalbu lill-anzjan jidher jagħtih il-flokk, u aktar tard għenu jilbsu wkoll.
Ftit mumenti wara, dan is-Samaritan it-Tajjeb irritorna bi skufja sewda u libbishielu. Staqsieh ukoll jekk iridx imur l-isptar u l-anzjan wieġbu fl-affermittiv.
Ħafna kkumentaw fuq il-mezzi soċjali, bil-messaġġ ikun li “ma tistax issalva lid-dinja kollha, imma tista’ tagħmel id-dinja aħjar għal persuna oħra.”
Il-filmat rawh aktar minn disa’ miljun darba u xxerred aktar minn 200,000 darba fuq il-mezzi soċjali.