Filmat: Jinxtegħlu fjakkoli madwar l-isptar għall-anzjani li mietu bil-coronavirus

Inxtegħlu fjakkoli u xemgħat madwar l-Isptar Mater Dei b’tislima lill-anzjani li tilfu ħajjithom bil-coronavirus f’Malta.

Illejla, diversi attivisti nġabru barra l-Isptar Mater Dei b’turija ta’ appoġġ u kuraġġ lejn il-familji tal-vittmi tal-coronavirus u l-ħaddiema tas-saħħa. Il-fjakkoli u x-xemgħat inxtegħlu ħdejn it-Taqsima tal-Emerġenza u ħdejn il-kmamar mortwarji.

Waħda mill-attivisti, Martina Caruana, spjegat li l-anzjani għandhom irwol importanti fis-soċjetà, peress li apparti l-kontribut li taw meta kienu jaħdmu u jrabbu l-familji tagħhom, l-għarfien u l-esperjenzi li jibqgħu jgħaddu lil ta’ warajhom huwa imprezzabbli.

Qalet li “huwa diffiċli u ta’ qsim il-qalb tarahom qed iħallu din id-dinja mingħajr komunikazzjoni xierqa mal-familjari jew ħbieb tagħhom.”

Il-ħsieb wara l-laqgħa tal-lejla huwa li jinxteħet dawl fuq l-importanza ta’ kull individwu, huwa f’liema pożizzjoni huwa fis-soċjetà. L-attivisti qalu li kulħadd għandu jkun responsabbli u juri rispett lejn kull ħajja, partikolarment lejn il-vulnerabbli. Sejħu dawn l-imwiet prematuri u sostniet li din hi emerġenza.

L-appell tagħhom kien, “Ejjew inrażżnu l-imwiet u nagħtu lura lill-anzjani tagħna d-dinjità li jistħoqqilhom b’aġir responsabbli ta’ kulħadd.”

Malta kellha 32 vittma tal-coronavirus, li fil-maġġoranza tagħhom kienu anzjani. Uħud minn dawn kienu ġejjin minn ġo djar tal-anzjani u ħadu l-coronavirus minn hemmhekk.

Dan wassal biex illum il-Gvern ħabbar aktar miżuri fid-djar tal-anzjani, pereżempju biex meta jinstab każ pożittiv ġdid f’dar fejn ma jkun hemm l-ebda każ ieħor, ir-resident se jintbagħat l-Isptar Pawlu Boffa jew St Thomas Hospital, jew Mater Dei skont il-kundizzjoni medika wara li jiġi eżaminat minn tabib.

Fil-każ ta’ Dar San Ġużepp, l-anzjani se jibqgħu jingħataw il-kura hemmhekk, u dawk li jinstab li m’għandhomx il-virus jittieħdu Casal Nuovo.