Filmat: Jintemm il-pellegrinaġġ f’Lourdes f’għeluq il-160 sena mid-dehra tal-Madonna

Ġie fi tmiemu l-pellegrinaġġ lejn Lourdes immexxi mill-Isqof Elett Mons Joseph Galea-Curmi li matulu tpoġġa l-inkwadru tal-qaddis Malti San Ġorġ Preca fil-kappella ta’ San Kosma u San Damjan qrib il-grotta tal-Madonna ta’ Lourdes.

Dan il-pellegrinaġġ kien organizzat mill-Brittania Tours għaċ-ċelebrazzjonijiet li qed isiru f’Lourdes f’għeluq il-160 anniversarju mid-dehriet tal-Madonna lil Santa Bernardette Soubirous.

Is-sehem ta’ Malta kien bid-donazzjoni ta’ pittura ta’ San Ġorġ Preca, li tqegħdet fil-Kappella iddedikata lil San Kosma u San Damjan, biex tkun esposta matul is-sena kollha għall-venerazzjoni tal-pubbliku mhux biss Malti, iżda ukoll dak internazzjonali.

Il-Ħadd filgħodu l-Eċċellenza Mons Galea Curmi ħa sehem fiċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa Internazzjonali li ssir fil-Bażilika ta’ taħt l-art iddedikata lil San Piju X.  Filgħaxija ġiet organizzata lejla ta’ talb marjan mis-Soċji tal-Museum Raymond Zammit u Joseph Galea li kienu fost il-membri tal-grupp għal dan l-avveniment tant prestiġġuż għal din l-istess  soċjetà imwaqqfa minn Dun Ġorġ Preca fl-1907.

It-Tnejn filgħodu saret quddiesa kkonċelebrata fil-Grotta u waranofsinhar l-inkwadru ta’ San Ġorġ Preca ittieħed fil-grotta maġenb l-istatwa tal-Madonna ta’ Lourdes, fejn imbagħad saret ir-reċita tar-rużarju bil-lingwa Ingliża.