Filmat: Jinsisti li l-kontabbiltà hi li jinsab minn qatel lil Daphne

Il-Prim Ministru Joseph Muscat dalgħodu insista li l-kontabbiltà tal-Gvern hija li jinsab min wettaq il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. 
Mistoqsi mill-ġurnalisti dwar kif jiġġustifika li ma kienx hemm riżenji mill-Gvern Malti wara l-qtil tal-ġurnalista, bil-kontra ta’ dak li ġara fis-Slovakkja fejn irriżenja Ministru tlett ijiem wara l-assassinju ta’ ġurnalist, Muscat qal li bħalissa hemm nies akkużati bil-qtil ta’ Caruana Galizia. Żied jgħid li għandu jinstab min kien dak li bagħat l-assassini għaliha.
Dwar jekk għandhiex tintrefa’ kontabbiltà morali mill-Gvern Malti, huwa reġa’ stqarr li l-kontabbiltà hija li jinstab min wettaq il-qtil.
Jan Kuciak, ġurnalist Slovakk nqatel flimkien mat-tfajla tiegħu, probabbilment inqatel minħabba x-xogħol investigattiv tiegħu.
Il-Prim Ministru ġie mistoqsi wkoll dwar numru ta’ direct orders li saru mill-Gvern u li jaqbżu l-€10,000, l-ammont stipulat bil-liġi. Muscat qal li f’kull sitwazzjoni tingħata spjegazzjoni.
Żied jgħid li fuq kull ordni jkun hemm sorveljanza mid-Dipartiment tal-Kuntratti. Muscat stqarr li kull sena l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) joħroġ rapport dwar in-nefqiet ta’ kull dipartiment tal-Gvern, inkluż dwar id-direct orders.
Filmat: Ian Noel Pace