Filmat: “Jinqatlu l-ħamiem mingħajr konsultazzjoni”

Is-Sindku ta’ Ħal Balzan, Dr Ian Spiteri qal li r-residenti ma ġewx ikkonsultati dwar id-deċiżjoni li jisparaw fuq il-ħamiem.
Diversi nies li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt urew id-dispjaċir u r-rabja tagħhom għall-qtil ta’ dawn it-tjur.
Ma’ Newsbook.com.mt Dr Spiteri qal li allaħares dejjem nimxu bil-maġġoranza għal kull deċiżjoni għax qatt ma jsir xejn fir-raħal.
Spjega li l-ħamiem qed ikun ta’ detriment u periklu għas-saħħa tar-residenti. Għaldaqstant dawk in-nies li huma affettwati se jkunu favur u dawk li mhux affettwati se jkunu kontra l-qtil tal-annimali.
“Qtil ta’ nemusa jew ta’ ġurdien jibqa’ qtil”
Dr Ian Spiteri qal li anke jekk toqtol ħamiema, ġurdien jew nemusa xorta huwa qtil.
Żied jgħid li meta l-annimal jispiċċa jkun ta' periklu għas-saħħa tan-nies, ikun hemm bżonn li ttieħed azzjoni.
“Il-Kunsill Lokali ilu sena sħiħa jiddiskuti l-problema tal-invażjoni tal-ħamiem”
Dr Spiteri spjega li l-Kunsill Lokali ilu sena sħiħa jiddiskuti l-problema tal-invażjoni tal-ħamiem.
F’laqgħa tal-Kunsill Lokali kien ġie deċiż li jisparaw fuq il-ħamiem.
Għal din id-deċiżjoni erba’ kunsilliera minn ħamsa qablu magħha.
“Għażliet oħra li kellna kienu brutali”
Is-Sindku spjega li l-Kunsill Lokali tkellem mal-Annimal Welfare kif ukoll mal-Gvern.
Qal li l-għażliet li ngħataw kienu brutali, fosthom li jġibu l-ajkli ħalli jattakkaw il-ħamiem.
Spjega li kien hemm sistemi oħrajn bħal radio solar wave. Madankollu din is-sistema tista’ tagħmel ħsara lil kull annimal li jkun hemm fiż-żona inkluż annimali fid-djar.
“Soluzzjonijiet oħra ma kinux prattiċi”
Dr Ian qal li kien hemm min ħareġ b’soluzzjonijiet oħra fosthom li jibdlulhom il-bajd jew jaqbduhom f’xibka u jiħduhom naħa oħra.
Spjega li huwa impossibbli li ssib il-bejtiet kollha u tibdel il-bajd.
Żied jgħid li l-ħamiem jekk tieħdu xi mkien oħra xorta waħda jerġa’ lura minn fejn ikun telaq.
Filmat: Jonas Sammut – Facebook