Filmat: Jinqatlu eluf ta’ gamiem fi ftit jiem – BirdLife

    Read in English.

    Il-BirdLife Malta qalet li fl-aħħar jiem eluf ta’ gamiem inqatlu llegalment f’Malta u f’Għawdex.

    Fi stqarrija, il-BirdLife qalet li minħabba l-kundizzjonijiet tat-temp kien hawn passa tajba ta’ gamiem f’Malta. Qalet li lbieraħ u l-Ħadd l-għasafar spiċċaw “bla ħniena fil-mira tal-kaċċaturi.”

    Spjegat li filmati li ħadet juru żewġ kaċċaturi jisparaw u joqtlu din l-ispeċi vulnerabbli. Fi spazju ta’ jumejn ġabru ħames gamimiet oħra feruti jew maqtula b’tiri ta’ senter.

    “Talba li tressqet ilbieraħ minn BirdLife Malta lill-Wild Birds Regulation Unit (WBRU) u lill-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia biex jipprovdu n-numri ta’ Summien li l-kaċċaturi ddikjaraw li qabdu sa issa baqgħet bla tweġiba,” qalet il-BirdLife.

    Il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana qal li “huwa ċar li l-Gvern jinsab ħaġa waħda mal-lobby tal-kaċċaturi biex jaħbi dawn l-atroċitajiet. Lgħaqdiet tal-kaċċa u l-membri tagħhom iħossu li jistgħu jeħilsuha ħafif f’kull ħaġa li jagħmlu bħalissa minħabba li l-Prim Ministru u l-Kabinett qed jagħmlu minn kollox biex jagħtuhom kulma jridu, inkluż li jikkaċċjaw għall-gamiem, li huwa protett.”

    Żewġ kaċċaturi arrestati fis-Selmun – CABS

    Il-Kumitat ta’ Kontra l-Qtil tal-Għasafar (CABS) qal li lbieraħ uffiċjali tal-Pulizija rnexxielhom jabdu żewġ kaċċaturi li sparaw fuq il-gamiem fis-Selmun.

    Il-CABS Wildlife Crime Officer Fiona Burrows li kienet ix-Xemxija qalet li l-għaqda għaddiet evidenza ta’ każ ta’ kaċċatur ieħor li laħaq ħarab mill-post.

    It-tim tal-CABS qal li osserva wkoll każi oħra ta’ kaċċa illegali fid-Dwejra, f’San Martin, u fil-Wardija.