Filmat: Jinqatlu 4 tajr protetti jiem qabel jiftaħ l-istaġun

Birdlife Malta qalet li fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet irċiviet rapporti li nqatlu erba’ tajr protetti. Huma qalu li mill-għeluq tal-aħħar staġun tal-kaċċa BirdLife Malta u l-Pulizija diġà rċivew 21 għasfur protett li nafu li li spiċċaw fil-mira tal-kaċċa illegali.

Fil-filmat jidhru żewġ Spanjuletti, Spanjulett Sekond u Ħuttafa. Il-filmati jinkludu wkoll xeni ta’ kaċċaturi jisparaw fuq Russett Aħmar protett fl-inħawi ta’ Xrobb l-Għaġin nhar il-Ħadd li għadda. Birdlife qalet li din hija prova oħra tal-kaċċa illegali rampanti li għaddejja bħalissa fil-kampanja meta l-istaġun għadu magħluq.

Il-Conservation Manager ta’ BirdLife Malta Nicholas Barbara ħeġġeġ biex il-pubbliku jirrapporta kull illegalità li jista’ jiltaqa’ magħha lill-Pulizija fuq 119 u lil Birdlife stess fuq 7925 5697.

L-istaġun li se jiftaħ nhar il-Ġimgħa u jibqa’ miftuħ sat-30 ta’ April.

Birdlife qalet ukoll li tinsab xettika dwar ir-riżorsi tal-Pulizija għaż-żamma tar-regolamenti. Dan anki fid-dawl tal-istqarrija tal-Police Officers Union fl-aħħar jiem.

Il-ftuħ tal-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa: inġust fuq is-soċjetà

Birdlife qalet li waqt li l-poplu Malti u Għawdxi qed jintalab jibqa’ ġewwa u jevita attivitajiet mhux neċessarji fuq barra, 1% tal-popolazzjoni minn għada se jkollha l-permess toħroġ iddur fil-kampanja u tispara fuq l-għasafar.

Newsbook.com.mt jingħaqad f’appell biex l-istaġun ma jinfetaħx
40 pulizija tal-ALE miż-żamma tal-kwarantina għal mal-kaċċaturi

Il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana stqarr li l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa m’għandu jinfetaħ qatt għal diversi raġunijiet marbutin mal-prinċipju tal-konservazzjoni. Stqarr ukoll li l-pandemija tal-coronavirus hija raġuni oħra għalfejn m’għandux jinfetaħ iktar u iktar.

Huwa qal li jinsab grat lejn il-midja indipendenti fosthom Newsbook.com.mt, is-soċjetà ċivili b’mod ġenerali u ħafna kontributuri, uħud minnhom anke qrib il-Partit Laburista, li esprimew in-nuqqas ta’ qbil tagħhom ma’ din id-deċiżjoni. Dan filwaqt li ħeġġeġ lil oħrajn biex jingħaqdu f’din il-kawża.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn