Filmat: Jinqalgħu l-bankijiet tal-istudenti biex isiru swali tal-isptar

Read in English.

Il-bankijiet tal-istudenti fil-binja ta’ Gateway fl-Università ta’ Malta nqalgħu biex jagħmlu wisa’ għal aktar soddod u b’hekk il-klassijiet inbidlu fi swali estiżi għall-isptar Mater Dei.

Fi stqarrija maħruġa mill-uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ntqal li l-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi (FMS) għaddejja b’xogħlijiet infrastrutturali biex għadd ta’ swali ewlenin ikunu jistgħu jilqgħu fihom 42 sodda ġdida.

Sa issa t-tmexxija tal-Università għadha ma tafx jekk fil-bidu tas-sena skolastika li jmiss humiex se jerġgħu jilqgħu fihom studenti.

Kien Newsbook.com.mt li fil-bidu tax-xahar li għadda ħabbar din id-deċiżjoni tal-awtoritajiet tas-saħħa li jieħdu għadd ta’ klassijiet mill-Università biex ikunu lesti f’każ li Malta taffaċċja l-bżonn ta’ iktar sodod milli jiflaħ l-Isptar Mater Dei.

Fi żjara fuq il-post fi tmiem il-ġimgħa, il-Ministru Fearne esprima s-sodisfazzjon tiegħu li qed jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha biex Malta tkun lesta għal kull eventwalità tal-Covid-19, hekk kif għad hemm il-possibilità tat-tieni mewġa ta’ każijiet.

Malta ppreparata għall-każijiet tal-influwenza li normalment jiżdiedu f’Novembru

Id-Deputat Prim Ministru qal li mill-bidu tal-pandemija, l-awtoritajiet tas-saħħa kienu proattivi biex pajjiżna jkun ippreparat għal kollox, u li b’din l-inizjattiva Malta se tkun ippreparata ukoll għall-każijiet tal-influwenza li normalment jiżdiedu lejn Novembru.

Il-Kap Eżekuttiv tal-FMS Carmen Ciantar spjegat li din it-trasformazzjoni saret f’inqas minn ġimagħtejn permezz tal-ħidma bla waqfien tal-impjegati tal-FMS. Hi rringrazzjat lill-Università ta’ Malta tal-koperazzjoni f’dawn iż-żminijiet sensittivi.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn