Filmat: Jinqabad mis-CCTV waqt li wettaq hold-up b’Birkirkara

Ir-raġel li nhar l-Erbgħa ġie rrapurtat li wettaq serqa armat b’sikkina minn ħanut f’Birkirkara nqabad fil-fatt permezz ta’ camera tas-CCTV li hemm fil-ħanut.

Il-filmat li ttella’ fuq Facebook minn sid il-ħanut, Clint Abela, jgħid li dan qed juri s-serqa minn wieħed mill-ħwienet ta’ PhoneRefix f’Birkirkara. Fil-bidu tal-filmat, ir-raġel jidher jittawwal lejn il-ħanut minn faċċata tat-triq. Hu mbagħad qasam it-triq u daħal fil-ħanut billi qata’ l-ħabel li kien qed jgħalaq l-entratura tal-ħanut b’sikkina kbira.

Ir-raġel li kien liebes beritta u nuċċali, jidher jitlob lill-kaxxier sabiex jagħtih il-flus u bis-sikkina li kellu f’idejh indikalu sabiex il-flus ipoġġihom f’basket isfar. Iż-żagħżugħ jidher jobdi din l-ordni u wara r-raġel ħarab minn fuq il-post.

Is-sid tal-ħanut qed jappella lill-pubbliku sabiex jekk jidentifika min hu r-raġel, jagħmel rapport mal-pulizija fl-Għassa ta’ Birkirkara.

Il-hold-up seħħ nhar l-Erbgħa fis-6.45pm fil-ħanut li jinsab fi Triq Mannarinu. Il-kaxxier, żagħżugħ ta’ 20 sena minn Ħ’Attard ma sofra l-ebda ġrieħi. Dwar il-każ infetħet inkjesta Maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Astrid May Grima.

Filmat: Clint Abela