Filmat: Jinfetħu 4 skemi biex jiġu indirizzati ‘anomaliji tal-passat’

Infeħtu erba’ skemi li l-Gvern qed jgħid li huma ntiżi biex jiġu ndirizzati “anomaliji tal-passat”.

Fi stqarrija konġunta l-Ministeru għas-Solidarjetà Soċjali u l-Ministeru għall-Finanzi qalu li għar-raba’ sena konsekuttiva, il-gvern qed jonora wegħda elettorali li jindirizza anomaliji u  inġustizzji tal-imgħoddi.

Dan qed isir b’sejħa għall-applikazzjonijiet mingħand eks membri tal-korpi mwaqqfa qabel l-1979, eks ħaddiema tax-xatt u uffiċjali tal-pulizija. Bejniethom, mistennija jitħallsu b’kollox madwar €12 miljun.

Aktar minn 7,000 persuna se jkunu ntitolati għall-għotjiet li jingħataw skont erba’ skemi mfassla mill-Gvern.

L-applikazzjonijiet se jintlaqgħu skont it-termini u l-kundizzjonijiet miġbura f’dawn l-iskemi li tħabbru   fil-ħarġa tal-lum, 9 ta’ Mejju 2020, tal-Gazzetta tal-Gvern. Dawn jgħoddu għal:

Persuni li daħlu uffiċjalment fis-servizz pubbliku wara s-16 ta’ Jannar 1979 u li qabel din id-data għamlu xi żmien iservu f’dipartmenti tal-gvern, iżda mhux bħala uffiċjali pubbliċi;

Persuni li kienu

  • impjegati f’xi korporazzjoni jew entità fis-settur pubbliku wara li għamlu xi żmien iservu f’wieħed mill-korpi tax-xogħol imwaqqfa qabel l-1979; jew
  • impjegati mal-Gas Board sakemm dan spiċċa u wara kienu impjegati mal-korporazzjoni Enemalta; jew
  • apprentisti mal-Malta Electricity Board sakemm dan spiċċa u wara kienu impjegati mal-korporazzjoniEnemalta.

Ħaddiema tax-xatt li kienu liċenzjati bejn l-4 ta’ April 1973 u l-1 ta’ Ġunju 2007 u li ma kienux hekk liċenzjati wara dan il-perjodu.

Uffiċjali tal-pulizija li ħadmu saħra bejn l-1 ta’ Settembru 1993 u l-31 ta’ Diċembru 2009.

Iż-żmien biex wieħed japplika jagħlaq il-Ġimgħa, 31  ta’ Lulju 2020.  Il-ħlasijiet jsiru aktar tard matul is-sena wara proċess ta’ verifika.

Skema għall-eks membri tal-korpi li sabu impjieg fis-servizz pubbliku

Din l-iskema ħija marbuta maż-żmien li applikant għamel fis-servizz pubbliku minn wara li jkun ħa l-ħatra uffiċjalment sad-data tal-irtirar. Iż-żmien li persuna tkun għamlet isservi f’xi dipartment tal-gvern, iżda mhux bħala uffiċjal pubbliku, ma jkunx ikkalkulat għall-fini tal-iskema.

Skema għall-eks membri tal-korpi li sabu impjieg fis-settur pubbliku

Din l-iskema hija prinċipalment miftuħa għal dawk il-membri tal-korpi li twaqqfu qabel l-1979 li meta temmew l-ingaġġ tagħhom daħlu jaħdmu ma’ entitajiet u korporazzjonijiet fis-settur pubbliku.

L-iskema hija wkoll intiża għall-eks impjegati tal-Gas Board li ġew trasferiti mal-Korporazzjoni Enemalta, u għal numru żghir ta’ persuni li kienu impjegati bhala apprentisti mal-Malta Electricity Board u wara qalbu mal-Enemalta.

Minn dawn iż-żewġ skemi li qed jitħaddmu mill-Ministeru għall-Familja, Drittjiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, jistgħu jibbenefikaw aktar minn 4,000 persuna.

Dawn l-iskemi ma japplikawx għal persuni li kienu f’wieħed mill-korpi mwaqqfa wara l-1979, u  persuni li qed jirċievu, jew għandhom id-dritt li jirċievu, pensjoni tas-servizz skont il-providimenti tal-Ordinanza dwar il-Pensjonijiet, l-Att dwar il-Pulizija u l-Att dwar il-Forzi Armati ta’ Malta.

Persuni li applikaw taħt iż-żewġ skemi fis-snin ta’ qabel u għadhom eliġibbli skont it-termini tal-iskemi m’għandhomx għalfejn jerġgħu japplikaw. Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali ser jipproċessa l-ħlas ta’ għotjiet skont it-tagħrif mogħti mill-applikanti eliġġibli fis-snin ta’ qabel.

Eks ħaddiema tax-xatt

Aktar minn 600 ex-ħaddiema tax-xatt jew l-eredi tagħhom ser jibbenifikaw mill-ġdid mill-iskema li saret skont ftehim milħuq mal-General Workers’ Union.

Anke taħt din l-iskema, l-applikanti eliġibbli li tħallsu pagament is-sena l-oħra m’għandhomx għalfejn jerġgħu japplikaw. Huma ser jirċievu notifika dwar dan mill-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali.

F’każ ta’ mewt ta’ applikant eliġibbli jew ta’ l-eredi awtorizzat, trid issir applikazzjoni ġdida skont it-termini tal-iskema.

Uffiċjali tal-Pulizija

L-iskema mfassla mill-Ministeru għall-Intern, s-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar ta’ Liġi taħseb biex isiru parti mill-ħlasijiet dovuti lill-pulizija fuq sahra mhux imħallsa bejn Settembru tal-1993 u Diċembru tal-2009.  Il-benefiċċjari f’din l-iskema jlaħħqu madwar 2,500 li nofshom għadhom iservu.  Huma kienu fil-grad ta’ kuntistabbli, surġent jew surġent maġġur u ħadmu sigħat addizzjonali bħala sahra.

Il-ħlasijiet qed isiru skont il-ftehim milħuq fl-2017 mal-unions li jirrappreżentaw l-uffiċjali tal-pulizija. Anke fil-każ tal-pulizija, l-applikanti eliġibbli m’hemmx għalfejn japplikaw mill-ġdid.  Huma ser jirċievu notifika dwar dan mill-Ministeru għall-Intern, s-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar ta’ Liġi.

Jekk applikant eliġibbli jew l-eredi awtorizzat ġie nieqes, trid issir applikazzjoni ġdida mill-eredi awtorizzati skont it-termini tal-iskema.

Kull min irid japplika huwa applikant ġdid li qatt ma applika jew tħallas qabel, inkella, f’każ ta’ benefiċċjarju li jkun miet, iridu japplikaw l-eredi tiegħu.

L-applikazzjonijiet u d-dokumenti meħtieġa għandhom jintbagħtu bil-posta jew jitwasslu fid-Dipartment tas-Sigurtà Soċjali f’38, Triq l-Ordinanza, il-Belt Valletta, VLT 1021, jew jintbagħtu b’email fuq socialsecurity@gov.mt. Min jixtieq jikseb aktar tagħrif, jista’ jċempel fuq il-helpline 25903000.

L-applikazzjonijiet jagħlqu fil-31 ta’ Lulju 2020.