Filmat: Jinfetaħ ċentru ġdid tat-testijiet tal-coronavirus f’Ħal Qormi

Read in English.

Il-ħames ċentru tat-testijiet tal-coronavirus għadu kemm infetaħ fl-Isptar San Tumas f’Ħal Qormi.

Dan iċ-ċentru mistenni jtaffi l-piż minn fuq iċ-ċentri f’Ħal Luqa, f’Pembroke, fl-Isptar Mater Dei u fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex, sabiex dawn ilaħħqu mad-domanda kbira li hawn.

Malta wettqet 150,000 test mill-bidu tal-pandemija, u fl-aħħar 24 siegħa sar rekord ta’ swab tests, b’total ta’ 2,485 test.

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li l-ittestjar huwa s-sigriet sabiex jinżamm kontroll tal-imxija tal-virus, flimkien ma’ miżuri oħra bħal contract tracing, il-kwarantina, u l-iżolament soċjali. Fil-fatt, bars, diskoteki u klabbs issa saru wkoll suġġetti għar-regolamenti li japplikaw għall-attivitajiet tal-massa skont emenda tal-avviż legali tal-lum.

Dr Fearne rringrazzja lill-Isptar San Tumas talli kkollabora mas-settur tas-saħħa pubblika biex joffru l-aqwa servizz possibbli. Irringrazzja wkoll lil dawk li jaħdmu fis-settur pubbliku, speċjalment fiċ-ċentri fejn qegħdin isiru t-testijiet tal-coronavirus, dawk li jaħdmu fis-saħħa pubblika, u fil-laboratorji.