Filmat: Jimxu favur il-ħajja fil-Belt Valletta

Il-Fondazzjoni LifeNetwork organizzat mixja għall-ħajja fil-Belt Valletta.
B'xemgħa f'idejhom, dawk li qed jieħdu sehem fil-mixja qed iwasslu messaġġ kontra l-abort f'kull forma tiegħu.
L-attività saret ilbieraħ filgħaxija fejn id-dimostranti mxew minn Pjazza Kastilja għal quddiem il-Parlament fejn iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Miriam Sciberras għamlet diskors favur il-ħajja.
Tkelmet ukoll Rebecca Kiessling, wild vittma ta’ stupru li f’intervista ma’ Newsbook.com.mt il-ġimgħa li għaddiet tkellmet kontra l-argument li l-embrijuni mhumiex persuni ħajjin.
Kiessling ħeġġet lil dawk preżenti biex jibqgħu viġilanti u ma jħallux li f’Malta jidħol l-abort. Saħqet li Malta qed tiġi mmirata għal dan l-iskop u għalhekk appellat lil dawk preżenti biex jitkellmu mal-ħbieb u l-qraba tagħhom u jwasslulhom l-informazzjoni kollha.
Din il-ġimgħa waqt il-programm Follow Up fuq RTK, Kiessling irrakkuntat ukoll kif kif ommha kienet għażlet li twettaq abort imma attivisti u leġiżlaturi favur il-ħajja waqqfuha u għażlu li jipproteġu lit-tarbija fil-ġuf.