Filmat: Jiġi Malta wara li l-ISIS qatlulu lil missieru u lil ħuh

Refuġjat Iraqi li ilu jgħix Malta għal dawn l-aħħar 10 xhur, jirrakkonta ma' Newsbook.com.mt kif ħarab mill-pajjiż, wara li militanti tal-Istat Iżlamiku qatlulu lil missieru u lil ħuh il-kbir.
Andrew*, li xtaq li jibqa’ anonimu, qal ma’ Newsbook.com.mt li fl-Iraq ħalla warajh lil ommu u żewġ ħutu.
Stqarr li ma jista’ qatt imur lura pajjiżu minħabba li l-problemi hemmhekk huma ħafna ’l bogħod milli mitmuma, anki bl-aħbar li l-ISIS ixxejnu kważi għalkollox minn Mosul, dik li darba kienet titqies bħala fortizza tal-grupp Iżlamiku.
F’Mosul, Andrew kien jaħdem bħala pulizija, u dan kien ifisser inkwiet doppju għalih.
Huwa esprima l-ferħa li ħa meta sema’ li wara aktar minn tmien xhur f’Mosul, il-forzi Iraqini-Amerikani rnexxielhom iġibu fix-xejn lill-militanti tal-ISIS, iżda fakkar li dan mhux se jirranġa s-sitwazzjoni fl-Iraq.
Andrew kompla jgħid li f’dawn ix-xhur ftit kellu kuntatt ma’ familtu, u dan għax ħafna drabi ma jkunx hemm internet, kif ukoll hemm il-biża’ li jiġi intraċċat, u minħabba f’hekk tbati familtu. Hu jgħix Malta u għaldaqstant ma jkunx jaf jekk minn ħin għal ieħor xi membru ieħor minn familtu nqatilx.
"Ma rridx immur lura"
Ir-refuġjat Iraqi enfasizza li bl-ebda mod ma jrid jerġa’ jmur lura pajjiżu għax hemmhekk ma jistax jgħix, u bagħat messaġġ lil sħabu fl-Iraq sabiex jaraw kif jagħmlu u joħorġu minn hemmhekk.
Huwa rrefera għar-relazzjoni xejn feliċi bejn is-Sunni u x-Xiti f'pajjiżu. Dawn huma ż-żewġ fazzjonijiet ewlenin fl-Iżlam, li iżda fl-Iraq ma jħarsux lejn xulxin bħala aħwa jew sħab tal-istess reliġjon.
Andrew, li huwa Sunni, jgħid li x-Xiti qatlu lil uħud mill-qraba tiegħu, u fl-Iraq dawn sempliċiment ma jistgħux jaraw lil xulxin.
Setgħet tinħass rabja f’leħen Andrew, li rrepeta kemm-il darba li l-problema fl-Iraq huma x-Xiti.
F’sondaġġ miċ-Ċentru tar-Riċerka Pew. kien instab li 5% biss tal-popolazzjoni Iraqina wieġbet li tħares lejn il-grupp l-ieħor bħala Musulmani bħalhom.
Il-parti l-kbira tal-Musulmani fid-dinja huma Sunni, iżda fl-Iraq hemm aktar Xiti. Dan wassal għal kunflitt eħrex fil-pajjiż, l-aktar minħabba li l-ISIS huwa grupp ta’ estremisti Iżlamiċi Sunni.
Il-pajjiżi li fihom hemm maġġoranza ta’ Xiti huma l-Iran, b’aktar minn 90%, l-Ażerbajġan, il-Bahrain, l-Iraq u l-Libanu.
Mhux f’kull komunità Musulmana hemm dan l-antagoniżmu bejn iż-żewġ gruppi.
Ġimagħtejn ilu uffiċjali Iraqini stqarrew li ilhom xhur jinnutaw ġellieda tal-ISIS joħorġu minn Mosul u jerħulha lejn il-muntanji f’Ħamrin,fil-Grigal tal-pajjiż.
Iċ-ċans hu, ikomplu dawn l-uffiċjali, li issa l-ISIS m’għadhomx bil-ħolma li jwaqqfu kalifat Iżlamiku fiż-żminijiet moderni, iżda qed jippjanaw li jerġgħu jqajmu gwerra ċivili oħra fl-Iraq simili għal dik li kienet ikkawżat l-al-Qaeda lura fl-2003, meta l-Istati Uniti nvadew il-pajjiż.
Wieħed mill-aktar uffiċjali għolja Kurdi li qed jiġġieldu lit-terroriżmu fl-Iraq, qal lill-midja li hu jħoss li l-agħar għadu ġej fil-pajjiż.
Andrew huwa isem fittizju.
Filmat: Media Centre