Filmat: “Jien u Giorgia qed nużaw dal-ħin biex nibnu r-relazzjoni tagħna”

Lydia Abela, mart il-Prim Ministru Robert Abela, qalet li hi u bintha Giorgia Mae qegħdin jużaw dan il-ħin li għandhom flimkien minn mindu ngħalqu l-iskejjel biex jibnu r-relazzjoni ta’ bejniethom. Hija appellat lill-ġenituri biex dan il-ħin iqattgħuh ma’ wliedhom.

Mart il-Prim Ministru llejla xandret messaġġ ta’ kuraġġ fuq il-paġna ta’ Facebook tagħha minħabba l-imxija tal-coronavirus.

Bdiet il-messaġġ tagħha billi rringrazzjat lil dawk li permezz tagħhom Malta post ta’ “serħan il-moħħ”: il-ħaddiema tas-saħħa, il-pulizija u s-suldati. Hija għamlet kuraġġ lil min irid joqgħod id-dar billi hu vulnerabbli billi qalet li dalwaqt jgħaddi dan iż-żmien.

Lill-ġenituri qaltilhom li tifhimhom li huma mitlufin issa li t-tfal ma jistgħux imorru l-iskola, peress li hi omm ukoll, iżda qed tipprova tuża dan il-ħin sabiex tqatta’ aktar ħin ma’ bintha Giorgia Mae. Qalet li kuljum iqattgħu xi ħin ta’ tagħlim online.

Fil-messaġġ tagħha, Abela indirizzat lit-tfal ukoll u ħeġġithom biex iżommu kuntatt mal-ħbieb, man-nanniet u jżommu lilhom infushom okkupati. Inkoraġġiethom biex iqattgħu l-ħin mal-familja u jaqraw, imma biex fuq kollox jiffokaw fuq l-istudenti tagħhom. Qaltilhom biex ma jinkwetawx fuq affarijiet oħra, għax dawn hemm min jieħu ħsiebhom.

Hija stqarret li l-pandemija ddefiniet il-valuri Maltin ta’ solidarjetà, imħabba u familja. Qalet li dan iż-żmien imissna nużawh biex napprezzaw l-affarijiet sempliċi u lil xulxin. Temmet b’appell lill-poplu Malti biex iżomm kuntatt mal-għeżież tiegħu, biex jibqa’ pożittiv, u biex isegwi d-direttivi sabiex dan iż-żmien ta’ sfida ma jdumx ma jgħaddi.

F’Malta llum tħabbru 14-il każ ġdid, jiġifieri t-total issa huwa ta’ 241 każ.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn