Filmat: “Jien s’issa għadni mmur għal-lezzjonijiet” – Elsa Romei

Konna nafuha bħala preżentatriċi u attriċi u llum il-ġurnata hija rtirata u tiddedika ħafna ħin għall-pittura u l-annimali. Illejla Elsa Romei se tkun il-mistiedna ta’ Alisa Pavia waqt il-programm X’Sar Minnhom li jixxandar fuq TVM fl-10.05pm.

Elsa twieldet l-Eġittu u għamlet tlett snin il-Kajr sa ma kellha seba’ snin. Ġew Malta għal ftit zmien imbagħad l-Italja u minn hekk telqu lejn l-Urugwaj, vjaġġ li kien dam għaddej għal xahar.

Il-Papà tagħha kien Taljan u anki kien pittur. Sfortunatment qatt ma saret tafu. Dan għaliex meta kienet żgħira ħafna kienu internawh. Kienu l-Eġittu dak iż-żmien u fil-Gwerra lit-Taljani kienu internawhom. Imbagħad meta ġew lura, il-ġenituri tagħha sseparaw.

Il-vjaġġar fi tfulitha kien wassalha biex titgħallem bosta lingwi.

Id-drama kienet dejjem tinteressaha u darba kitbet ittra lil Fr. Born li kien popolari ħafna fuq ir-Redifussion. Kien kitbilha lura u ssuġġerilha l-kumpanija Ribalta. B’hekk tħarrġet taħt Nossy Ghirlando.

Għamlet snin twal tirreċta u kienet prominenti f’uħud mill-aqwa produzzjonijiet li kienu ttellgħu f’dawn is-snin.

Kienet waqfet għal xi snin biex trabbi liż-żewġt uliedha Angele u Estelle, li din tal-aħħar nafuha bħala Marlene fis-sensiela F’Salib it-Toroq.

Kienet irritornat lura fix-xandir iżda mbagħad qatgħet mid-drama u t-televiżjoni u bdiet tiddedika aktar ħin fil-pittura u anke tellgħet xi wirjiet. Ħadet ukoll korsijiet fil-fotografija diġitali.

Se nerġgħu narawha fuq it-televiżjoni? Elsa Romei titkellem dwar dan illejla waqt il-programm X’Sar Minnhom?