Filmat: “​Jien qatt ma waqqaft il-ħidma, waqqaft biss l-elezzjoni”

Il-Kummissarju tal-Għaqdiet Volontarji Kenneth Wain qal li l-Assoċjazzjoni tal-NGOs Għawdxin mhix korretta li tgħid li l-għaqda twaqqfet milli topera.
Il-Kummissarju saħaq li l-għaqda mhix korretta li tgħid li l-Kummissarju waqqaf il-ħidma tal-għaqda għax fi kliemu “l-unika ħaġa li waqqaft kien ir-riżultat tal-elezzjoni għal kunsill ġdid li saret fil-Laqgħa Ġenerali Annwali ta’ Jannar li għadda.”
Jispjega li l-problema ma kinitx mal-Gozo NGO Association imma kienet problema ta’ kif saret l-elezzjoni waqt dik il-laqgħa.
Tenna li beda l-investigazzjonijiet tiegħu wara talba minn persuna li qalet li kien hemm xi affarijiet li ma sarux sew.
Ta struzzjonijiet lill-għaqda biex il-Kunsill li kien hemm qabel jieħu l-irwol ta’ caretaker biex l-għaqda tkompli bil-ħidma minn ġurnata għall-oħra.
Il-Kummissarju qal li l-investigazzjoni tiegħu lesta u r-rapport qiegħed f’idejn il-partijiet konċernati biex jagħmlu l-aħħar sottomissjonijiet.
Fix-xhur li għaddew, Newsbook.com.mt kien irrapporta kif l-Assoċjazzjoni tal-NGOs Għawdxin kissret l-istatut u kif il-Kummissarju tal-Għaqdiet Volontarji kiteb lill-għaqda biex ma tkomplix tagħmel attivitajiet jew tapplika għal xi fondi oħrajn.
1,200 għaqda volontarja f’Malta u f’Għawdex
F’Malta hawn ‘il fuq minn 1,200 għaqda volontarja, 100 minnhom f’Għawdex, li huma rreġistrati mal-uffiċċju tal-Għaqdiet Volontarji iżda l-Kummissarju jgħid li hawn ħafna iktar għaqdiet li mhumiex reġistrati għax il-liġi kif inhi bħalissa ma tobbligax l-għaqda li tiġi reġistrata mal-Kummissarju.
Tenna li dan is-settur għandu jkompli jiġi regolat għax “ma rridux sitwazzjoni fejn hemm għaqdiet volontarji li ma jkunux qed jirreġistraw għal raġunijiet li jkunu qed jagħmlu l-illegalitajiet.”
“Jiena r-regolatur tas-settur volontarju”
Fl-intervista, l-Kummissarju Kenneth Wain jispjega li xogħlu hu li l-għaqdiet volontarji f’Malta, jimxu sew skont il-liġi.
Semma’ li hawn żewġ liġijiet li jirregolaw dan is-settur fosthom il-liġi tal-għaqdiet volontarji tal-2007 u l-Avviż Legali tal-2012 li jobbliga l-għaqdiet volontarji biex jippreżentaw ir-rapport amministrattiv u r-rapport finanzjarju kull sena lill-uffiċċju tal-Għaqdiet Volontarji.