Filmat: “Jien qatt ma pproteġejt lil Keith Schembri” – Robert Abela

Read in English.

Robert Abela, il-kandidat għat-tmexxija tal-Partit Laburista u biex b’hekk isir Prim Ministru f’Jannar li ġej, qal li hu qatt ma pproteġa lil Keith Schembri.

F’laqgħa tiegħu mal-midja llum fil-Ħamrun, il-Membru Parlamentari ġie mistoqsi jekk jaħsibx li l-Gvern ipproteġa lil Keith Schembri milli jiġi investigat b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Bi tbissima, huwa wieġeb illi hu personalment qatt ma pproteġa lil Keith Schembri.

Lil hinn minn dan, huwa qal li l-assassinju ta’ Caruana Galizia kien “episodju li jweġġagħni ħafna.” Qal li jiddispjaċih ħafna għall-familja, iżda xorta waħda jħoss li “ma kellux ikun hemm attakk fil-konfront ta’ pajjiżna.” Irrefera għall-qtil ta’ Karin Grech u Raymond Caruana u kif dawk l-investigazzjonijiet ma ssolvewx, mentri l-investigazzjoni ta’ dan il-każ wasslet għall-arrest ta’ erba’ persuni fi ftit snin.

Meta l-ġurnalisti staqsew lil Abela x’jaħseb dwar l-appell tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia lill-Membri Parlamentari u lill-President biex jinvokaw il-Kostituzzjoni, huwa qal li Delia kien qed jistieden lill-President biex jikser il-Kostituzzjoni. Il-President ħabbar li ma jistax ineħħi lil Joseph Muscat mill-kariga.