Filmat: “Jien nixtieq li ħadd ma jibda jieħu d-drogi” – studenta

Celine Casha, studenta tal-ħames sena fl-iskola St Monica, qalet li tixtieq li ħadd ma jibda jieħu d-drogi. Dan qalitu wara li tnediet il-kampanja edukattiva mat-tfal dwar l-użu tas-sustanzi. Il-kampanja jisimha TFAL u tħarreġ tfal li għandhom bejn 9 u 10 snin, sabiex issaħħaħhom għal meta jikbru u jiġu biex jaffaċċjaw it-tentazzjoni tad-droga.

Mike Orland mis-Sedqa qal lil Newsbook.com.mt li permezz ta’ din il-kampanja, li qed jagħmluha wkoll mal-istudenti tat-tielet sena, jixtiequ li jrawmu kuraġġ fit-tfal biex jiġġieldu dawn il-vizzji. Qal li l-ħsieb hu li jieħdu magħhom il-valuri li jenfasizzaw fuqhom fis-sessjonijiet id-dar, u jwassluhom bħala pariri lil familthom.

Din il-kampanja qed issir mis-Segretarjat Parlamentari għar-Riformi b’rabta mar-riforma dwar l-użu tal-kannabis mhux mediċinali. Is-sessjoni ttellgħet minn tim apposta tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tat-Tisħiħ Soċjali (FSWS).

Il-Ministru għad-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon qasam il-ħsibijiet tiegħu mat-tfal u qalilhom li minkejja li ‘l quddiem għad iridu jgħaddu minn mumenti ibsin u ta’ qtigħ il-qalb, huma m’għandhomx iċedu għat-tentazzjonijiet, iżda għandhom jużaw dawn l-esperjenzi biex jimmaturaw. Min-naħa tagħha, is-Segretarja Parlamentari Julia Farrugia Portelli saħqet li rridu naraw ġenerazzjoni ta’ tfal li jeċċellaw fl-isport, fl-arti u fil-kultura u li jżommu ’l bogħod minn drogi u sustanzi. Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ Clifton Grima saħaq li dawn il-programmi jgħallmu lit-tfal biex jibdlu sitwazzjonijiet diffiċli f’sitwazzjonijiet pożittivi.