Filmat: “Jien ma nikkomunikax ma’ Keith Schembri” – Abela

Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li hu ma jikkomunikax ma’ Keith Schembri. Abela kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti qabel ma daħal Kastilja għall-ħabta tal-10am.

Bħalissa għaddejjin diskussjonijiet dwar min se jkun jagħmel parti mill-Kabinett ta’ Abela sal-elezzjoni ġenerali li jmiss.

B’referenza għal storja maħruġa mill-media tal-Partit Nazzjonalista, Abela ġie mistoqsi dwar jekk hux konxju li deputat tiegħu tkellem ma’ Keith Schembri. Abela staqsa lill-ġurnalist “min qal li (Keith Schembri) tkellem ma’ deputat tiegħi?” Irrimaka li hu mhux infurmat bl-ebda komunikazzjoni bejn deputat tiegħu u Schembri. Mistoqsi jekk hu jitkellimx ma’ Schembri, Abela wieġeb “assolutament le”.

F’artiklu ppubblikat jumejn ilu, Net News qal li “kollox jindika li reġa’ ġie attivat in-numru ċellulari tal-eks Chief of Staff ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri”. Il-ġurnal qal li screenshot li ġie ppubblikat mal-artiklu nniffsu, u aktar tard imxerred fuq Facebook, jgħid li Schembri kien ‘live’, jew ‘online’ fuq l-app Signal ilbieraħ fis-6.44pm. Minkejja li l-iscreenshot juri dan, ma hemm l-ebda parti minnu li turi data u ħin meta ttieħed. Possibilment Keith Schembri qed juża SIM card ġdida bin-numru l-antik tiegħu.

Kelliema għal kumpanija tal-komunikazzjoni f’Malta kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt li huwa possibbli li meta wieħed jitlef mowbajl jerġa’ jikseb Sim Card bl-istess numru li kellu fil-mowbajl il-mitluf. Għalhekk, jekk Schembri jidher ‘online’ fuq apps li jaħdmu bin-numru tal-mowbajls ċellulari bħal Signal u WhatsApp dan bl-ebda mod ma jindika li l-mowbajl li allegatament huwa mitluf reġa’ nstab.

Il-mowbajl il-mitluf ta’ Keith Schembri qajjem kontroversja x-xahar li għadda, wara li kien intqal fil-Qorti li l-Pulizija ma setgħetx issib il-mowbajl ta’ Schembri. Skont Schembri, il-mowbajl huwa mitluf.

Schembri rreżenja mill-kariga tiegħu bħala Chief of Staff tal-Prim Ministru f’Novembru li għadda. Dan wara li hu kien arrestat u interrogat b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, fejn ħareġ ukoll li allegatament kien ħabib ta’ sid il-kumpanija 17 Black Yorgen Fenech. Ġie allegat li hu kien qed jgħaddilu informazzjoni dwar dak li kien għaddej fl-investigazzjonijiet.

L-Ispettur Keith Arnaud, li qed imexxi l-investigazzjonijiet fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kien qal lill-pulizija li l-mowbajl ma setax jinstab. Il-mowbajl jista’ jkun sors importanti ta’ informazzjoni għall-pulizija.