Filmat: “Jien ma nħossx li għandi naċċetta rigali” – Robert Abela

Read in English.

Id-Deputat Laburista Robert Abela sostna li hu ma jħossx li għandu jaċċetta rigali. Dan qalu hu u jiġi intervistat LIVE minn Fr Joe Borg fuq Newsbook.com.mt. Hu qed jikkontesta l-irwol ta’ Mexxej tal-Partit Laburista wara li Joseph Muscat ħabbar li se jkun qed jirreżenja f’Jannar.

Wieħed mis-suġġetti tal-intervista kien ir-rigali li jingħataw persuni awtorevoli fil-pajjiż minn negozjanti kbar fost l-oħrajn. Rigward ir-rigali li allgatament ingħata l-Prim Ministru Joseph Muscat minn Yorgen Fenech, li jinsab akkużat bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, fosthom arloġġ li l-valur tiegħu huwa stmat ta’ €20,000, Abela sostna li jista’ jkun li Muscat mexa mal-etika meta aċċetta dan ir-rigal.

Irrimarka li jkun tajjeb jekk il-ġurnal li ħareġ l-istorja jagħti stampa sħiħa ta’ dak li ġara. Insista li ladarba l-Prim Ministru qal li mexa mal-etika mela hu m’għandux għaliex jiddubitah. Madanakollu sostna li kemm hu u anke Chris Fearne, li wkoll qed jikkontesta l-elezzjoni għall-Mexxej tal-Partit Laburista, iridu jibgħatu messaġġ b’saħħtu ta’ governanza tajba. Qal li filwaqt li bl-ebda mod ma jrid jirrifletti l-ideoloġiji tiegħu fuq ħaddieħor, hu ma jħossx li għandu jaċċetta rigali anke jekk ikun konformi mal-kodiċi tal-etika.

Hu qal li jagħmel distinzjoni bejn donazzjonijiet f’attivitajiet tal-massa u donazzjonijiet kbar li jsiru minn negozjanti kbar. Irrimarka li donazzjonijiet li jkunu ġejjin minn “big business” u individwi jbeżżgħuh għax joħolqu obbligu. Irrimarka li ħadd ma jagħtik rigal kbir għalxejn b’xejn.