Filmat: Jidħku ma’ Trevor Żahra u oħrajn fl-Università

Id-Dipartiment tal-Malti tal-Università ta’ Malta jħobb jorganizza taħditiet informattivi għall-pubbliku: daqqa fuq il-ħaġa moħġaġa, daqqa fuq il-ħrejjef, daqqa fuq il-poeżiji… iżda din id-darba taha għaċ-ċajt billi organizza serata bl-isem Ġej iċ-Ċajt! Din kienet parti mill-proġett tat-Tradizzjoni Orali kkordinat mill-istess dipartiment.

F’sala mimlija b’madwar 100 ruħ fl-Università stess, personalitajiet magħrufin fil-qasam tal-lingwa Maltija bħal Trevor Żahra u anke membri mill-udjenza qasmu ċ-ċajt bejniethom, ċajt li jintiret bil-fomm, u għalhekk jidħol kexxun fil-proġett tat-Tradizzjoni Orali.

It-taħdita kienet ikkordinata mil-lettur Dr Michael Spagnol li beda bi spjega qasira ta’ x’inhi ċajta u bil-karatteristiċi taċ-ċajta tipika. Ma’ Trevor Żahra, kien hemm ukoll Vince Piccinino u Richard Attard jgħidu ċ-ċajt, iżda ma’ dawn ingħaqdet ukoll l-udjenza, u saħansitra letturi oħra mid-Dipartiment tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti bħal Prof. Albert Borg u Dr George Farrugia.

Is-suġġetti taċ-ċajt li ntqal varjaw mill-maħbuba kunjata sal-ispiżjara sal-qassisin sal-partijiet tal-ġisem, is-sokor u l-bluha.

Din l-attività tant intlaqgħet tajjeb li l-organizzaturi taw x’jifhmu li jaf tittella’ serata oħra li jista’ jattendi l-pubbliku għaliha u jaqsam iċ-ċajt waqtha.

Il-proġett tat-Tradizzjoni Orali jorganizza taħdita kważi ta’ kull ġimgħa. Tista’ tikseb aktar tagħrif dwaru hawn.