Filmat: Jidher li l-ftehim ta’ May mhux se jgħaddi – riċerkatur

Jidher li l-ftehim ta’ Theresa May mhux se jgħaddi skont ir-riċerkatur tal-aħbarijiet internazzjonali Andre Debattista.

Debattista qal dan ma’ Newsbook.com.mt meta kien mistoqsi biex jikkummenta dwar x’se jkunu l-aktar kwistjonijiet jaħarqu fix-xena internazzjonali fl-2019.

Livell Mediterranju

Debattista qal li fil-mediterran bħalissa hemm il-kwistjoni tal-immigrazzjoni li għadha għaddejja.

Fi kliemu, il-Gvern Taljan diġà ta t-timbru tiegħu għall-politika li qed jaddotta rigward l-immigrazzjoni fil-Mediterran. Debattista ddeskriva t-ton tal-Italja bħala wieħed aggressiv. Qal li wieħed jistenna li jkun hemm aktar żviluppi fil-qasam tal-immigrazzjoni li Malta tiġi affettwata minnu.

Livell Ewropew

Fuq livell Ewropew Debattista qal li l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew se jkunu kruċjali. Qal li għall-ewwel darba jista’ jkun li l-partiti tas-soċjalisti u tad-demokristjani  ma jkollhomx maġġoranza. Dan ikun ifisser il-formazzjoni ta’ gruppi politiċi ġodda. Debattista qal li bħalissa fl-Ewropa hemm mewġa  ta’ populiżmu u ta’ partiti ta’ kontra l-Unjoni Ewropea.

Dwar il-Brexit Debattista qal li l-forma ta’ kif se jkun għadha mhix magħrufa. Spjega li milli qed jara s’issa jidher li mhux se jgħaddi l-ftehim li qed tinnegozja l-Prim Ministru tar-Renju Unit Theresa May.

“Ma naħsibx li l-ebda partit ma jkun jixtieq imur għat-tieni referendum jekk May ma jirnexxiliex tgħaddi l-ftehim mill-parlament.”

Skont Debattista, problema prinċipali fil-kwistjoni ta’ Brexit hija li l-politika dwar Brexit hija l-frott tad-diżgwid li hemm fil-partit konservattiv. Fil-fehma ta’ Debattista, it-trattat ta’ May huwa l-aħjar wieħed li seta’ jsir fiċ-ċirkostanzi li kien hemm. Qal li l-ftehim m’għandux ikisser ir-relazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit. Żied jgħid li hemm sezzjoni tal-partit konservattiv li jrid imur oltre, jiġifieri ‘no deal’.

Qal li hija xi tip ta’ fantasija li r-Renju Unit ikollu jinnegozja kollox mill-bidu. Mill-banda l-oħra qal li ma jafx jekk il-problemi li hemm jissolvewx b’referendum ieħor. Dwar il-gazzetti qal li għall-ewwel kienu qed irewħu s-sitwazzjoni u li issa qed jgħoqodu lura.

Debattista qal li filwaqt li kulħadd jixtieq li jkun hemm it-trattat li jrid hu, hemm normi internazzjonali li jridu jiġu rispettati. Però, qal li ħadd ma jrid jara lir-Renju Unit ibati.

Livell internazzjonali

Fix-xena internazzjonali, Debattista tkellem dwar ir-relazzjoni bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina li sejħilha l-aktar relazzjoni bilaterali importanti fid-dinja. Dan għaliex huma l-akbar żewġ ekonomiji fid-dinja.

Debattista qal li l-President taċ-Ċina Xi Jinping issa qed jikkonsolida l-poter tiegħu. Spjega li għalkemm iċ-Ċina hija ekonomija kbira, m’għandhiex is-saħħa militari ta’ pajjiżi oħra.

Donald Trump mill-bidu kien qed juri li se jimxi f’din id-direzzjoni ta’ trade war. Debattista qal li hemm il-biża’ ta’ riċessjoni hemm kif il-memorja tal-aħħar waħda għadha friska.

“Jekk ikun hemm riċessjoni fl-Istati Uniti jkun hemm effett fuq il-politika interna tal-Istati Uniti.” Dwar l-elezzjonijiet fil-futur fl-Istati Uniti, Debattista qal li Trump jaf ikun ikkonfermat bħala l-kandidat tal-partit tar-Repubblikani filwaqt li l-affarijiet għadhom miftuħin fil-partit tad-Demokratiċi.