Filmat: Jiċċelebraw lil Santa Marija minn fuq il-mutur

Għadd ta' sewwieqa tal-muturi ħadu sehem f'pellegrinaġġ organizzat mill-parroċċi tal-Imġarr u Ħad-Dingli f'Jum il-festa ta' Santa Marija.
Għall-ewwel darba, il-pellegrinaġġ telaq mid-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi.
Dan kien ġie organizzat għall-ewwel darba s-sena li għaddiet, fuq inizjattiva tal-Arċipriet ta' Ħad-Dingli, Dun Ewkarist Zammit.
Is-sena li għaddiet dan telaq mill-parroċċa tal-Imġarr għal quddiem il-Knisja Arċipretali ta' Ħad-Dingli.
Din is-sena, wara li telaq mid-Dar tal-Providenza, il-pellegrinaġġ għadda mill-parroċċa ta' Ħad-Dingli u baqa' sejjer sa quddiem il-Knisja parrokjali tal-Imġarr.
Is-sewwieqa mxew wara nkwatru bix-xbieha ta' Santa Marija meqjuma fil-knisja parrokjali tal-Imġarr.
Iż-żewġ parroċċi jiċċelebraw il-festa titulari ta' Santa Marija nhar il-Ħadd li ġej. 
Min-naħa tiegħu, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Fr. Martin Micallef irringrazzja lil Dun Ekwarist Zammit, lill-Kappillan tal-Imġarr, Monsinjur Kalċidon Vassallo u lil dawk kollha li ħadu sehem għal din l-inizjattiva.