Filmat: Jibdew jitlaqqmu r-residenti fid-djar tal-anzjani

Read in English.

Mal-4,400 anzjan u anzjana li jgħixu f’37 dar tal-anzjani madwar Malta, kif ukoll il-frontliners f’dawn id-djar, bdew jitlaqqmu kontra l-Covid-19. Dalgħodu bdew jitlaqqmu l-anzjani f’dar fil-Mellieħa, għada fil-Mosta u wara fil-Furjana, u l-proċess jibqa’ sejjer.

Dan wara li ġimgħa ilu, l-istess proċess beda fil-Faċilità San Vinċenz de Paule, fejn qed jitlaqqmu madwar 70 persuna kuljum, inkluż impjegati. Wara tliet ġimgħat, id-doża se titla’ għal 140 tilqima kuljum.

Il-proċess beda l-ewwel fost anzjani li għandhom ’il fuq minn 85 sena u eventwalment se jitlaqqmu wkoll madwar 2,000 impjegat fid-djar tal-anzjani, li jinkludu kemm djar tal-Gvern, kif ukoll djar privati u tal-Knisja.

Il-Ministru għall-Anzjani Michael Farrugia spjega li minħabba li t-tilqima trid tingħata f’żewġ dożi, hemm pjan ta’ kif din se tkun qed tingħata. “Konxji tal-possibbiltà li t-tilqima jista’ jkollha xi side effects, irridu naraw li jkun hemm pjan lil min tingħata l-ewwel u minn liema swali biex nevitaw li jkollna xi persuni ma jifilħux, bħal impjegati li jkunu ġejjin mill-istess sala,” qal il-Ministru.

Il-Ministru, li permezz ta’ telefonata fuq Skype segwa l-proċess tat-tilqim fid-dar tal-anzjani fil-Mellieħa, qal li l-ħsieb hu li sal-aħħar ta’ Marzu l-ewwel doża tal-vaċċin tkun ingħatat lill-anzjani kollha fid-djar residenzjali f’Malta.

Huwa tenna l-appell tiegħu biex kulħadd jieħu t-tilqima.