Filmat: Delia sfiduċjat għat-tieni darba

Aġġornat 08:16 AM

Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia tilef it-tieni vot ta’ sfiduċja kontrih wara vot mill-Kumitat Eżekuttiv tal-PN.

Fil-vot sigriet 47 persuna vvutaw kontra Delia. Kien hemm 36 li vvutaw favurih.

Fl-ewwel kummenti tiegħu mal-midja wara l-vot, Delia qal li se jaħdem aktar minn qatt qabel. Saħaq li b’tim mifrud il-PN mhux se jasal. Qal li l-pass li jmiss huwa li l-PN jara li r-rieda tat-tesserati tiġi rispettata mill-istrutturi kollha tal-PN.

Saħaq li dan kien vot intern li m’għandu ebda konsegwenza.

Il-PN joħroġ stqarrija

Il-PN qal li l-vot ttieħed fuq id-domanda:

“Fid-dawl tal-iżviluppi li seħħew matul il-jiem u l-ġimgħat li għaddew u peress li l-Kumitat Eżekuttiv huwa wieħed mill-ogħla organi tal-PN li fost oħrajn huwa fdat biex ifassal u jiddeċiedi l-politika tal-partit u jagħti d-direttivi meħtieġa għat-tmexxija tiegħu. Għalhekk nipproponi li l-membri tal-Kumitat Eżekuttiv tal-PN jintalbu jesprimu ruħhom dwar din il-mistoqsija; Għandek fiduċja f’Adrian Delia bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista?”

Il-PN qal li l-vot ittieħed b’mod sigriet, u ir-riżultat kien: 47 le, 36 iva u kien hemm astensjoni waħda.

Fl-istess laqgħa, l-membri tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista b’mod unanimu approvaw l-ħatriet tal-Kumissjoni Elettorali, Data u Rekords u tal-Kummissjoni Etika, Dixxiplina u Midja Soċjali.

Delia talab biex ma jittiħidx vot dwaru llum. Madanakollu ġie deċiż li l-membri tal-Eżekuttiv tal-PN jivvutaw illum fuq il-mozzjoni ta’ Michael Asciak.

Il-mozzjoni titlob lill-membri preżenti biex juru jekk għandhom fiduċja f’Delia. Delia ma riedx li jittieħed dan il-vot. Qal li l-mozzjoni ta’ sfiduċja ma kinitx fuq l-aġenda.

L-eks Kap Nazzjonalista Lawrence Gonzi ppropona vot fost it-tesserati dwar Delia. Dan is-suġġeriment intlaqa’ b’tisbit li seta’ jinstema minn barra d-Dar Ċentrali. Il-proposta saret waqt laqgħa tal-Kumitat tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista.

Aktar kmieni matul il-laqgħa l-Membru tal-Eżekuttiv Michael Asciak ippropona vot ta’ sfiduċja fil-Kap Adrian Delia.

Matul il-laqgħa l-MP Claudio Grech qal li flimkien ma’ oħrajn huwa lest jirreżenja biex jagħti spazju għal uċuħ ġodda fil-partit. Dan lest li jagħmlu minn issa.

Trid tellieqa tat-tmexxija? “Iva” jwieġeb Hermann Schiavone

Id-Deputat Nazzjonalista Hermann Schiavone wieġeb ‘iva’ meta mistoqsi dwar jekk iridx tellieqa tat-tmexxija (leadership race).

Hu qal li jridu li jkollhom partit b’saħħtu. Saħaq li huwa leali lejn il-PN. Saħaq li l-partit dejjem kien nieżel fis-sondaġġi u li l-problema ma kinitx dejjem Adrian Delia.

Saħaq li Malta għandha bżonn Oppożizzjoni b’saħħitha.

Il-PN se jkompli jfittex l-għaqda – Therese Comodini Cachia

Il-MP tal-PN li għandha l-appoġġ ta’ mill-inqas 16-il memembru tal-grupp parlamentari tal-PN Therese Comodini Cachia qalet li l-partit se jkompli jfittex l-għaqda.

Il-MP Clyde Puli bassar li d-diskussjoni tal-Eżekuttiv se tkun waħda matura. Qal li wara li tintemm il-laqgħa l-Eżekuttiv ikun f’pożizzjoni jgħid x’se jkun il-pass li jmiss.

Huwa hu dieħel fid-Dar Ċentrali l-eks Kap Nazzjonalista Lawrence Gonzi qal li l-kummenti li kellu jagħmel diġà għamilhom fil-pubbliku.

Il-MP Mario Galea qal li l-avversarju l-veru tal-PN huwa l-korruzzjoni tal-Gvern Laburista u l-faqar. Qal li dwar il-kwistjoni tal-MPs li tilfu l-fiduċja f’Adrian Delia bħala Kap hemm strutturi apposta fil-partit biex din tiġi diskussa. Saħaq li t-tneħħija ta’ Delia bħala Kap mhix fl-aħjar interess tal-PN.

‘Iffurmaw assoċjazzjoni kontra l-PN’ – Andre Grech

Il-membru tal-Eżekuttiv tal-PN Andre Grech allega li hemm 16-il deputat li ffurmaw assoċjazzjoni li hi kontra l-Partit Nazzjonalista.

Grech qal dan fil-kummenti tiegħu mal-midja qabel ma daħal għal-laqgħa tal-Eżekuttiv li se tkun qed issir fid-Dar Ċentrali.

Andre Grech qal li talab biex din l-azzjoni tal-MPs tiġi diskussa matul il-laqgħa, però qal li mhux fuq l-aġenda tal-lum. Qal li ma jemminx li għandu jieħu deċiżjonijiet waħdu.

Semma’ l-każ ta’ Franco Debono li kien ivvota kontra l-Gvern tiegħu u li wara ttieħdet id-deċiżjoni li ma jitħalliex jerġa’ jikkontesta.

Qal li Adrian Delia ġie kkonfermat bħala Kap għal tliet darbiet u li jista’ jirbaħ l-elezzjonijiet.

Kien hemm għadd ta’ pulizija għassa mal-kwartieri tal-PN. Minn informazzjoni li kiseb Newsbook.com.mt il-laqgħa bdiet għas-7.53pm.

Monique Agius

Minkejja l-pressjoni li saret fuq il-Kumitat tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista biex dan ma jiltaqax, il-laqgħa tal-lejla se tkun qed issir xorta. Dan ikkonfermawh ma’ Newsbook.com.mt sorsi qrib il-PN. L-istess sorsi qalu li filwaqt li l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia insista li l-laqgħa għandha ssir, persuni qrib Delia riedu jipposponu din il-laqgħa tal-ogħla kumitat fi ħdan il-partit.

Waranofsinhar il-MP tal-PN Therese Comodini Cachia qalet li l-maġġoranza tal-MPs tal-PN iridu li jfejqu lill-partit u mhux jaqsmuh fi tnejn.

L-eks Kap Nazzjonalista Lawrence Gonzi kkonferma li se jkun qed jattendi għal-laqgħa tal-Eżekuttiv tal-PN illum. Infatti deher dieħel fid-Dar Ċentrali.

Filmati: Monique Agius
Muntaġġ: Miguela Xuereb