Filmat: Jibdew ix-xogħlijiet għal korsija għaċ-ċiklisti fi Triq Buqana

Bħalissa beda x-xogħol fuq korsija għaċ-ċiklisti fi Triq Buqana u korsija ġdida għall-vetturi. Din it-triq hija l-konnessjoni ewlenija bejn l-Imtarfa, il-Mosta u l-Imġarr u fost ir-rotot ewlenin għal persuni li jkunu sejrin Għawdex.

Fiż-żjara tiegħu tax-xogħol li qed isir, il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg tkellem dwar in-neċessità ta’ dan il-proġett li se jiswa €3.6 miljun. Hu spjega li din it-triq issofri minn konġestjoni kbira hekk kif mat-18,000 vettura jgħaddu minnha kuljum.

Fi stqarrija ġie spjegat li minbarra wiċċ ġdid għall-korsiji eżistenti ta’ din it-triq, il-proġett se jinkludi l-bini ta’ korsija ġdida li tibda min-naħa tal-Imtarfa biex imbagħad tingħaqad mal-bqija tat-triq bħala korsija addizzjonali u l-vetturi jkunu jistgħu jivvjaġġaw b’inqas diffikultà. Flimkien ma’ din il-korsija se ssir ukoll korsija ġdida għar-roti fl-istess direzzjoni b’tul ta’ 1.8 kilometri, u se jkun hemm sistema ta’ cycle priority lanes kemm fit-triq kif ukoll fir-roundabout li tinsab fit-tarf l-ieħor, jiġifieri fl-inħawi tal-Imġarr u l-Mosta.

Iż-żewġ roundabouts fit-truf ta’ dan it-triq se jkunu qegħdin jinbnew b’disinn ġdid favur aktar sigurtà u inqas konġestjoni. Se ssir bypass lane biex wieħed ikun jista’ jibqa’ sejjer minn Triq Buqana lejn Triq Sir Temi Zammit fl-Imġarr mingħajr  ma jdur mar-roundabout, se ssir oħra biex minn din it-triq tal-Imġarr wieħed ikun jista’ jibqa’ sejjer lejn Triq Żejfa fil-Mosta, jiġifieri l-inħawi taż-Żokrija u t-tielet waħda li se tgħaqqad Triq San Pawl tal-Qliegħa fil-Mosta ma’ Triq Buqana fid-direzzjoni tal-Imtarfa.

Mal-ġnub tat-triq, fejn hemm bżonn se jsiru wkoll 1.8 kilometri ta’ ħitan tal-ġebel tas-sejjieħ ġodda. Il-proġett jinkludi wkoll il-bini mill-ġdid tal-pont ta’ Wied il-Qlejgħa (Chadwick Lakes) li minn fuqu tgħaddi din it-triq.