Filmat: Jibda x-xogħol għal Ċentru tas-Saħħa biex itaffi mill-problema f’Mater Dei

Xahar ilu beda x-xogħol għal Ċentru tas-Saħħa f’Raħal Ġdid. Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne spjega kif dan għandu jtaffi mill-problema tal-ammont estensiv ta’ pazjenti li jkun hemm f’Mater Dei.

Is-Segretarju Parlamentari ta’ Fondi Ewropej Aaron Farrugia qal li dan il-proġett se jiswa €33 miljun, u se jkun iffinanzjat mill-fondi tal-Unjoni Ewropea. Il-proġett mistenni jitlesta sa tmiem is-sena 2021.

Dan se jkun l-ewwel ċentru tas-saħħa reġjonali. Se jikkonsisti f’seba’ sulari, u se joffri diversi faċilitajiet. Fosthom se jkun hemm  kliniċi tal-kura primarja, klinika għad-dijabete, għad-dimensja, għall-kura mentali, kif ukoll klinika tad-dentistrija.

Dan iċ-ċentru se jkun ukoll post li joffri servizzi ta’ emerġenza, bħal teatru għal operazzjonijiet minuri u servizz ta’ ambulanza.

Ma’ dan iċ-ċentru se jinbena parkeġġ li għandu jesa’ 230 karozza. Il-proġett qed isir mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi.

Il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne wara tkellem ukoll dwar l-istat tal-Isptar Monte Karmeli, u qal li l-partijiet perikolużi ġew evakwati sakemm jitlestew ix-xogħlijiet fihom.

Filmat: Partijiet perikolużi f’Monte Karmeli evakwati