Filmat: Jibda l-ġbid ta’ Elf Metodu; Serje televiżiva ġdida minn Ottubru

Ritratt: Facebook

Tħabbar il-ġbid ta’ Elf Metodu, drama televiżiva ġdida li se tkun tistgħu tibdew issegwu fuq l-istazzjon ONE minn Ottubru li ġej. Dan il-proġett fuq idea ta’ Mark Doneo, qed jinkiteb minn Simon Bartolo, li f’dawn il-ġranet se jkun qed jitwassal ukoll xogħol ieħor tiegħu fix-xena teatrali permezz tal-musical VII. Għal Bartolo, dan se jkun l-ewwel xogħol tiegħu fil-qasam televiżiv.

Elf Metodu huwa possibbli bil-għajnuna tal-Kunsill Malti Għall-Arti u Kultura TV u se jkun mifrux fuq numru ta’ puntati li jlaqqgħuna ma’ Karen, parti li se tkun qed tinterpretaha Louise Doneo.

Din is-sensiela taqa’ taħt il-ġeneru ta’ black comedy u niltaqgħu mal-protagonista, Karen, li wara snin li sfat abbużata minn żewġha mentalment u fiżikalment. Meta hu jmut taħt ċirkostanzi misterjużi, Karen issib libertà ġdida f’ħajjitha.

Iżda donnu li l-kelb ta’ żewġha, Elvis, bi ħsiebu li jkompli jikkumplikalha ħajjitha.

Elf Metodu, fi 13-il puntata, b’direzzjoni ta’ Jameson Cuccardi għandha protagonisti lil Louise Doneo, Alexia Pace, Jean Pierre Cassar, Sandra Davis, Lawrence Buontempo, Krista Vella, Christine Francalanza, Rowena Gauci Davison, Silvio Axisa u Alison Abela.

Elf Metodu se tixxandar minn Ottubru fuq ONE.