Filmat: Jgħallem lil uliedu jibnu kamp fuq il-bejt tad-dar

Missier Malti ddeċieda li jieħu l-opportunità biex fi żmien fejn hu u l-familja tiegħu jinsabu fi kwarantina volontarja, jgħallem lil uliedu jibnu kamp. Xi ħaġa li fl-iskola ma kinux se jitgħallmu.

Angelo Caruana tkellem ma’ Newsbook.com.mt fejn spjega li minkejja li t-tfal bħalissa mhux qed jirċievu l-edukazzjoni tagħhom fl-iskola, xorta hemm affarijiet oħra li jistgħu jitgħallmu jagħmlu.

Caruana ddeċieda li jtella’ liż-żewġ uliedu, tewmin ta’ erba’ snin, fuq il-bejt u hemmhekk flimkien jibnu l-kamp. Spjega li hu qatt ma kien mar camping mal-familja. B’hekk din kienet l-ewwel esperjenza tat-tip għat-tfal. Spjega li issa, darboħra jixtieq li jagħmlu l-istess iżda wkoll jagħmel BBQ.

Spjega li minkejja li l-bejt mhux post ideali għall-camping, xorta waħda ħadu pjaċir. Qal li malli lestew il-kamp, daħlu ġo fih u kważi kważi raqdu hemm.

Mistoqsi dwar kif it-tfal qed jiġu edukati dwar is-sitwazzjoni preżenti fid-dinja u fil-pajjiż b’rabta mal-coronavirus, Caruana qal li qed iħeġġu lit-tfal biex jaħslu idejhom ta’ spiss. Spjega li bħalissa mhux qed joħorġu mid-dar, lanqas biex iżuru lin-nanniet. Qal ukoll li hu u martu qed jaħdmu bit-teleworking, darba iva u darba le, billi jalternaw. Spjega li b’dan il-mod, dejjem ikun hemm xi ħadd mat-tfal, u kemm jista’ jkun inaqqsu l-kuntatt man-nies.