Filmat: Jesus Christ Superstar jgħin lil Ziam

Min ma’ semax bir-Rock Opera tant magħrufa mad-dinja Jesus Christ Super Star? Dan il-musical ta’ Sir Andrew Llyod Webber ġie magħżul miż-żgħażagħ Agostinjani Beltin biex jgħinu lil Ziam. 
Ziam twieled b'marda rari ħafna u d-dħul mir-rappreżentazzjonijiet kollha se jmur għall-kura u ħtiġijiet tiegħu. 
Is-Sala Parrokkjali tal-Parroċċa Santu Wistin fil-Belt Valletta inbidlet f’teatru sabiex jittella’ playback ta’ dan il-musical f’erba’ rappreżentazzjonijiet, nhar is-Sibt 8 u l-Ħadd 9 ta’ April, kif ukoll it-Tlieta 11 u l-Erbgħa 12 ta’ April fit-8:30 ta’ filgħaxija.
Uħud mill-aqwa kantanti u mużiċisti ta’ bejn is-16 u l-21 sena se jinterpretaw il-karattri prinċipali f’din id-drama mużikali fosthom; Andy Shaw fil-parti prinċipali ta’ Ġesù, Michela Deguara fil-parti ta’ Madalena, Antoine Galdes fil-parti ta’ Pilatu, Aidan Jay Drakard fil-parti ta’ Pietru, Bradley DeBono fil-parti ta’ Erodi, Justin Farrugia fil-parti ta’ Kajfas, Christian Aquilina bħala Annas u Victoria Sciberras bħala Omm Ġesù.
Jesus Christ Superstar, b’mużika li ma tmut qatt, ippreżentat fi spettaklu uniku u b'għan nobbli, għadu popolari minkejja li għaddew 46 sena mill-ewwel rappreżentazzjoni tagħha fi Broadway.
Inħeġġu lill-pubbliku sabiex ikun parti mill-għajnuna li se tingħata lil Ziam. Il-biljetti jinkisbu mill-Parroċċa Santu Wistin, il-Belt, jew billi iċċempel fuq in-numri 79870842 / 79061368.
Filmat: Ian Noel Pace