Filmat: Jerġgħu jinqabdu jneħħu l-mafkar ta’ Daphne

Ħaddiema tal-Gvern reġgħu għal darb’oħra nqabdu jneħħu fjuri, xemgħat u ritratti tal-ġurnalista assassinate Daphne Caruana Galizia mill-mafkar fil-Belt Valletta. Il-filmati nġibdu minn grupp ta’ ġurnalisti barranin li jinsabu Malta jirrappurtaw is-sitwazzjoni politika li żvolġiet fl-aħħar ġimgħat wara dak żvelat dwar l-investigazzjoni li għaddejja fl-assassinju tal-ġurnalista Maltija.

Il-monument tal-Assedju l-Kbir li jinsab quddiem il-bini tal-Qorti ilu għal dawn l-aħħar sentejn iservi ta’ punt ta’ referenza għall-attivisti li qiegħdin isejjħu għall-verità u ġustizzja fil-każ ta’ Daphne Caruana Galizia. Kull 16 tax-xahar, il-gruppi Occupy Justice u Repubblika jorganizzaw velja fejn il-mafkar biex ifakkru lill-awtoritajiet biex isir ġustizzja ma’ Daphne u l-familja tagħha.

Fil-mument li nduna li kienu qed jiffilmjawh, il-ħaddiem liebes maskla fuq wiċċu biex ma jingħarafx. Il-ġurnalisti staqsew lill-ħaddiema dwar dan l-att b’ħaddiem minnhom iwieġeb u jgħid li kienu qed jagħmlu biss xogħolhom.

Meta mistoqsi min qabbdu jneħħi kollox mill-mafkar, il-ħaddiem mid-Dipartiment tal-Indafa Pubblika qal li din kienet “ordni minn fuq”. Il-Ministru għal Ġustizzja Owen Bonnici huwa politikament responsabbli minn dan id-dipartiment.

Il-Ministru Owen Bonnici kien għadda bil-karozza minn qalb id-dimostranti li kienu nġabbru quddiem il-Parlament fl-ewwel jiem li bdew joħorġu dettalji dwar l-investigazzjoni li qed issir.

Attivisti xeħtulu bajda hekk kif kien dieħel għal-laqgħa f’Kastilja ma’ delegazzjoni tal-Parlament Ewropew li kienet qed tistħarreġ is-sitwazzjoni tas-saltna tad-dritt f’Malta.

Filmati: Jonathan Schörnig u Marc Tilley