Filmat: Jerġa’ joħroġ id-drenaġġ fix-Xatt l-Aħmar

Filmat li ttieħed mix-Xatt l-Aħmar f’Għajnsielem juri d-drenaġġ dieħel ġol-ilma tal-baħar.

Il-persuna li bagħtet il-filmat lil Newsbook.com.mt qalet li l-każ seħħ ilbieraħ u li d-drenaġġ kien ġej mill-għelieqi.

Sal-bieraħ il-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma (WSC) ma kinitx taf bil-każ, skont kelliem għall-WSC. Il-kelliem qal li l-uffiċjali tal-WSC mistennija jmorru fuq il-post illum biex jistħarġu aktar dwar il-każ.

F’Lulju tal-2018, Newsbook.com.mt kien segwa l-ħruġ tad-drenaġġ li kien sejjer dirett fil-baħar.

24 siegħa wara li ġie rrappurtat ħruġ ta’ drenaġġ fil-baħar max-xtajta fix-Xatt l-Aħmar f’Għawdex, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) kkonfermat li bdiet investigazzjoni dwar dan il-każ ta’ emerġenza ambjentali.

Xhur qabel, il-Partit Demokratiku kien talab biex tittieħed azzjoni immedjata dwar id-drenaġġ tal-baqar li qed ifur fix-Xatt l-Aħmar, Għawdex.

Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma kienet ħarġet tender biex titranġa l-ħsara li kien hemm fl-iżblokk tal-kanna tad-drenaġġ li tinżel 80 metru taħt il-livell tal-ilma u toħroġ 140 metru ‘l barra mill-kosta tax-Xatt l-Aħmar.

Minkejja diversi rapporti fil-midja lokali dwar drenaġġ f’din iż-żona fl-aħħar xhur, jidher li l-problema għadha qed tippersisti.