Filmat: “Jekk Fenech jitlob proklama, hemm proċess” – Abela

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela insista li jekk Yorgen Fenech ikollu mill-ġdid jitlob għall-proklama (maħfra presidenzjali), din trid tiġi kkunsidrata.

Abela kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti dalgħodu quddiem Kastilja. Hemm hu ħabbar ukoll li waslet l-ittra tar-riżenja ta’ Chris Cardona mill-irwol tiegħu ta’ Deputat Mexxej tal-Partit Laburista.

Hekk kif fil-kumpilazzjoni tax-xhieda ħareġ li Yorgen Fenech għandu f’idejh informazzjoni dwar korruzzjoni fil-pajjiż, il-ġurnalisti staqsew x’jiġri jekk Yorgen Fenech, is-sid tal-kumpanija 17 Black, mill-ġdid jitlob għall-maħfra presidenzjali.

Abela qal li kull talba għall-maħfra presidenzjali għandha tkun ikkunsidrata bil-proċess normali tagħha. Sostna li din mhix kwistjoni jekk hu jikkunsidrax it-talba jew le. Insista li hemm proċess skont il-liġi li jrid ikun segwit.

Madanakollu hu sostna li sa fejn jaf hu, m’hemm l-ebda talba minn Yorgen Fenech għall-maħfra presidenzjali.

Fit-23 ta’ Novembru tal-2019, Yorgen Fenech kien talab li jingħata l-maħfra presidenzjali. Wara li din it-talba kienet ikkunsidrata, Joseph Muscat, li dak iż-żmien kien Prim Ministru ta’ Malta, kien għamel konferenza tal-aħbarijiet biex jgħid li din ġiet irrifjutata. Fid-19 ta’ Novembru, Muscat kien ħabbar din id-deċiżjoni filwaqt li qal li ma riedx jieħu din id-deċiżjoni hu u allura ħalla f’idejn il-kabinett. Muscat qal li hu ma pparteċipax fil-laqgħa.

Il-kabinett għamel din id-deċiżjoni wara li saret preżentazzjoni mill-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija. Dan b’differenza għall-maħfra presidenzjali ta’ Melvin Theuma, fejn il-Prim Ministru kien qal li se jerfa’ r-responsabbiltà waħdu.

L-avukati ta’ Fenech kienu kitbu l-President biex jgħidu li la l-Prim Ministru u xi membri tal-kabinett għandhom kunflitt ċar ta’ interess, m’għandhomx ikunu huma li jiddeċiedu jekk tingħatax il-maħfra. Huma talbu lill-President biex f’dan il-każ jiddeċiedi hu. Żiedu jgħidu li Fenech kien lest li jagħti informazzjoni dwar Keith Schembri, Konrad Mizzi, Chris Cardona u oħrajn, li huma kollha persuni viċin ħafna tal-eks Prim Ministru Muscat.

Filmat: Miguela Xuereb