Filmat: “Jekk tridu tkunu tafu l-verità, segwu t-traċċi tal-flus” – Efimova

Read in English.

Il-whistleblower Maria Efimova li żvelat il-kont Egrant u r-rabtiet tiegħu mal-Bank Pilatus qalet li l-bank kien iżomm żewġ livelli ta’ kontijiet. “Jekk tridu tkunu tafu l-verità, segwu l-flus,” qalet Efimova.

Hi u titkellem mal-preżentatur David Thake waqt telefonata live permezz ta’ Skype, Efimova qalet li l-Bank Pilatus kellu żewġ settijiet paralleli ta’ tranżazzjonijiet. Dak uffiċjali kien fuq Flexcube, software tal-bank. Skont Efimova, din is-sistema kienet tintuża jekk il-bank kien se jiġi spezzjonat mill-FIAU. Il-whistleblower Russa speċifikat, iżda, li kien hemm ukoll sistema parallela.

Efimova qalet li s-sistema kienet fuq server differenti u ħafna mill-kollegi tagħha ma kinux jirrealizzaw li kienet sistema differenti. Insistiet li din l-informazzjoni għaddietha lill-Maġistrat Inkwirenti u anke lill-investigatur ewlieni tal-FIAU Ian Abdilla u spettur ieħor. Efimova wriet nuqqas ta’ fiduċja fil-ħidma tal-pulizija f’Malta.

Ir-Russa rreferiet għal kollega ieħor li kien qalilha li kien hemm self li ma kienx imniżżel, u li kien ta’ evidenza għal li kienet qed tgħid fuq is-sistema parallela. Żiedet tgħid li għalkemm kellha dokumenti biex turi li dak li qed tgħid verità, hija baqgħet lura milli tagħtihom lill-Maġistrat għax kien wissieha li jekk tippreżenta evidenza bħal din, din tinkriminaha talli qiegħda fil-pussess tagħha kontra l-liġi.

L-inkjesta Egrant appellat lill-pulizija biex jieħdu passi kontra Efimova, li għaddiet informazzjoni lil Daphne Caruana Galizia. Fil-konklużjoni tal-inkjesta, l-Imħallef Aaron Bugeja qal li filwaqt li Efimova tat xi stqarrijiet li jidhru li huma veri, ħafna oħrajn instabu li huma foloz. L-inkjesta ordnat lill-Kummissarju tal-Pulizija jibda proċeduri kriminali kontra Efimova.

Fir-reazzjoni tagħha għall-kummenti maġisterjali li d-dikjarazzjonijiet tagħha mhumiex kredibbli, il-whistleblower baqgħet issostni dak li qalet, u żiedet tgħid, “Li kieku kelli biss id-dikjarazzjonijiet tat-trust ma kont ngħid xejn, imma rajt it-tranżazzjonijiet.”