Filmat: Jekk tkun vittma ta’ reat jew inċident, x’inhuma d-drittijiet tiegħek?

Jekk tkun vittma ta’ reat kriminali, x’inhuma d-drittijiet tiegħek?
Aktar kmieni din is-sena l-Korp tal-Pulizija waqqaf il-Victim Support Unit (VSU )biex isservi bħala punt ta’ kuntatt ewlieni għall-vittmi tar-reati u inċidenti li jiġu f’kuntatt mal-Pulizija u li jkollhom bżonn informazzjoni u sapport addizzjonali.
Ma’ Newsbook.com.mt l-Ispettur Sylvana Gafa, li tmexxi l-VSU, qalet li r-rispons tan-nies għal dan il-Unit kien wieħed pożittiv u meħtieg għax numru ta' vittmi li ġew infurmati bis-servizz aċċettaw immedjatament l-għajnuna offruta lilhom.
Saħqet li minn Jannar sa Settembru l-VSU assistiet madwar 280 persuna li jinkludu kemm vittmi kif ukoll familjari tagħhom. Fost dawn il-persuni hemm uħud li għadhom f'kuntatt mal-Unit sal-llum, speċjalment minħabba xi informazzjoni jew follow-up li jkunu staqsew fuq il-każ tagħhom.
Oħrajn ġew riferuti lil aġenziji oħra biex ikunu jistgħu jibqgħu jinagħataw sapport kontinwu, u oħrajn li għamlu f'kuntatt mal-Unit kull darba li ħassew li kellhom bżonn ta’ aktar għajnuna. 
L-Ispettur qalet li l-Pulizija qed tiftaħ madwar 30 każ ġdid fix-xahar, li jinkludu vittmi kif ukoll familjari tagħhom, skond il-każ xi jkun. 
Fost dawn il-vittmi jkun hemm min għamel kuntatt mal-Unit personalment, ikun hemm min ġie kkuntatjat direttament mill-Korp stess, kif ukoll numru ta’ referrals, kemm mill-Pulizija kif ukoll minn aġenziji differenti li jaħdmu mal-vittmi. 
L-Ispettur żiedet tgħid li għalkemm mill-bidu tas-sena s'issa n-nies li jużaw is-servizz tal-VSU żdiedu, l-iktar bidla kienet fin-numru ta' referrals.
Qalet li l-VSU qed jirċievi numru ta’ referrals minn entitajiet barra mill-Korp, kif ukoll żieda fin-numru ta' vittmi li jagħmlu kuntatt mal-Unit personalment. 
Jekk tkun vittma ta’ xi reat jew inċident, x’inhuma d-drittijiet tiegħek?

  • Inti tista’ tirrapporta reat jew inċident fi kwalunkwe għassa tal-Pulizija jew iċċempel 112 f’każ ta’ emerġenza.
  • Inti se tiġi mitkellem b’lingwa li tifhem u f’każ ta’ bżonn tista’ tieħu lil xi ħadd miegħek.
  • Wara li tirrapporta reat, il-Pulizija għandhom jagħtuk riċevuta bin-numru tar-rapport kif ukoll dettalji tal-uffiċjal li rċieva r-rapport kif ukoll l-uffiċjal investigattiv.
  • Il-Pulizija li jeħodlok ir-rapport għandu jistaqsik jekk inti tridx tiġi riferut lill-Victim Support Unit fi ħdan il-Korp.
  • Jekk f’dan il-mument inti ma tkunx trid dan is-sapport, inti tkun tista’ tagħmel kuntatt aktar ‘il quddiem billi ċċempel direttament fuq 22942160.

Inti għandek tiġi infurmat bir-riżultat tal-investigazzjoni tal-Pulizija. L-informazzjoni li tingħatalek għandha tinkludi:

  • Jekk l-aggressur hux se jitressaq il-Qorti jew raġunijiet għalfejn mhux se tittieħed azzjoni kriminali.
  • Id-data u l-ħin tas-seduta tal-Qorti.

Il-Prosekuzzjoni ma tgħaddilikx informazzjoni jekk:

  • Inti ma tkunx trid tirċievi informazzjoni.
  • Il-Pulizija ma tkunx tista’ tagħmel kuntatt miegħek.

Wieħed jista’ jsib aktar informazzjoni dwar id-drittijiet tiegħu bħala vittma ta’ reat fl-Att dwar il-Vittmi tal-Kriminalità, Kapitlu 539 tal-Liġijiet ta’ Malta.