Filmat: Jekk tiġi interrogat u arrestat għandek tirreżenja – Bonnici

Meta xi ħadd jiġi interrogat u arrestat mill-Pulizija, wieħed għandu jirreżenja qal il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici.

Bonnici qal dan lil Newsbook.com.mt qabel ma daħal fil-bini tal-Parlament fil-Belt Valletta llum wara nofsinhar. Dan b’referenza għar-riżenja taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.

Mistoqsi dwar l-ammont kbir ta’ barriers quddiem il-parlament, Bonnici qal li Malta hija mibnija fuq il-libertà tal-espressjoni. Ftaħar bir-riformi li implimenta l-Gvern Laburista u semma’ li wieħed ma jistax jiffriża aktar kontijiet tan-nies meta jkun hemm kawżi ta’ libell. Il-Ministru Chris Cardona kien talab lill-Qorti biex tiffriża l-kont tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia. It-talba kienet ġiet aċċettata.

Bonnici qal ukoll li ma xtaqx lil Muscat jirreżenja. Żied jgħid li kien fadallu x’joffri u li Malta tilfet.

Wara s-seduta tal-parlament l-MPs li ħarġu kienu affaċċjati minn protesta.

Il-familja tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia fetħet protest ġudizzjarju kontra l-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Avukat Ġenerali. Il-protest qed jitlob lill-Prim Ministru sabiex ma jibqax involut fl-investigazzjonijiet u l-proċedimenti kriminali u l-proċess li bih l-evidenza se tinġabar fl-inkjesta pubblika.

Filmat: Miguela Xuereb