Filmat: Jekk tarmi għamara barra tista’ tispiċċa bla karozza

DOI, MECP, MAFA_PS

Jekk tarmi għamara jew tip ta’ skart ieħor barra fejn mhux suppost tista’ titteħidlek il-karozza li tkun użajt biex tarmi l-iskart.

Fi stqarrija l-Ministeru għall-Ambjent u s-Segretarjat Parlamentari għall-Indafa Pubblika qalu li se jkun hemm żieda fil-multi meta persuni jarmu skart f’postijiet pubbliċi.

Dawn il-penali huma maqsumin f’kategoriji differenti skont it-tip ta’ materjal mormi, jekk hux:

  • materjal tal-franka nadif
  • skart tal-kostruzzjoni u t-twaqqiegħ
  • materjal kontaminat bi skart perikoluż bħal asbestos, gypsum, żebgħa u thinner
  • tagħmir elettroniku
  • materjal ieħor bħal tessuti, għamara jew skart agrikolu

Il-penali huma maqsumin b’dan il-mod:

  • Penali ta’ elf ewro (€1,000) għal rimi ta’ inqas minn metru kubu ta’ materjal tal-franka jew skart ta’ kostruzzjoni
  • Penali ta’ tlett elef ewro (€3,000) għal ammont ’il fuq minn metru kubu ta’ materjal tal-franka mormi, liema multa tibqa’ tiela’ b’mod proporzjonat skont il-kwantità ta’ materjal mormi sa massimu ta’ tletin elf ewro (€30,000)
  • Penali ta’ erbat elef ewro (€4,000) għal ammont ’il fuq minn metru kubu ta’ materjal ta’ kostruzzjoni u twaqqiegħ mormi, liema multa tibqa’ tiela’ b’mod proporzjonat skont il-kwantità ta’ materjal mormi sa massimu ta’ ħamsin elf ewro (€50,000)
  • Jekk tali materjal ikun imħallat bi skart perikoluż bħal asbestos, żebgħa, thinner jew gypsum, il-penali minima tkun ta’ sitt elef ewro (€6,000) minflok ta’ erbat elef ewro (€4,000)
  • Penali ta’ mhux inqas minn ħames mitt ewro (€500) għal tagħmir tal-elettriku kbir mormi f’postijiet pubbliċi

Persuni li jinstabu reċedivi se jingħataw multi aktar ħorox.

Il-Gvern qal li se jkun hemm il-lok ta’ konfiska ta’ vetturi jew liċenzja li jintużaw għal rimi ta’ kwalunkwe skart.

“Fl-istess waqt, il-Pulizija qed tingħata s-saħħa sabiex titlob il-Qorti timponi s-sekwestru tal-vettura li biha jsir ir-reat. B’hekk, qed insaħħu d-deterrenti,” qal il-Gvern.

Wara li ġiet ikkunsidrata l-ħtieġa dejjem tikber ta’ deterrent iktar qawwi kontra r-rimi illegali ta’ skart, tfasslu emendi biex jissaħħu l-miżuri legali u multi kontra tali abbużi, ħabbar il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia.

Filmat: DOI, MECP, MAFA_PS