Filmat: “Jekk nagħtu mediċini b’xejn, inċaħħdu setturi oħra” – Scicluna

Read in English.

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li jekk tiġi implimentata l-proposta ta’ Robert Abela ta’ mediċina b’xejn għall-pensjonanti, dan ikun ifisser li jrid jitnaqqas xi nfiq f’setturi oħrajn tal-baġit.

“Hemm xi ħadd li ma jaqbilx li nagħtu iżjed?” staqsa l-Ministru meta kien qed jiġi mistoqsi minn Newsbook.com.mt dwar l-opinjoni tiegħu fuq il-proposta ta’ Robert Abela, wieħed miż-żewġ kandidati għal mexxej tal-Partit Laburista.

Meta kien għadu kif temm konferenza tal-aħbarijiet fuq il-baġit tal-2020, Scicluna qal li l-formolarju tal-Gvern dejjem jikber. Madankollu, żied jgħid li dan irid jitpoġġa fil-kuntest tal-baġit tal-2020, għax jekk jintefqu l-flus fuq l-inizjattiva ta’ Abela, dawn iridu jitilqu minn xi mkien ieħor.

Abela kien ikkalkula li l-proposta tiegħu tiswa madwar €40 miljun fis-sena.

Scicluna ġie mistoqsi jekk hux se jżomm il-kariga tiegħu bħala Ministru għall-Finanzi wara li tinbidel it-tmexxija tal-Partit Laburista u tal-Gvern. Huwa qal li jekk il-mexxej il-ġdid ma jkollux bżonnu, hu jitlaq mill-kariga. Qal li tkellem kemm ma’ Abela, kif ukoll ma’ Chris Fearne, iżda l-futur tiegħu ma ġiex diskuss.

Il-Ministru ġie mistoqsi wkoll jekk iħossx li għandu jirreżenja peress li bħalissa qed jiġi investigat f’inkjesta maġisterjali, u Scicluna wieġeb li l-NGO li talbet għall-inkjesta, Repubblika, qiegħda tigdeb dwaru. Qal li l-proġetti li qed jiġu investigati ma kinux parti mill-portafoll tiegħu u insista li hu ma ffirma l-ebda ftehim.

Filmat: Miguela Xuereb