Filmat: “Jekk min jiġi hawn inpoġġuh ġo gaġġa, nimlewh bir-rabja” – L-Arċisqof

Read in English.

“Jekk bniedem li jiġi hawn minflok nilqgħuh u ngħinuh inpoġġuh ġo gaġġa, hu li jkun ġej bi trawma nimlewh bir-rabja allura jiena dak li niżra’ se naħsad.”

L-Arċisqof kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet ta’ Fr Joe Borg waqt il-programm Newsbook Q&A fuq Newsbook.com.mt illum.

Fr Borg staqsa kif jistgħu l-Maltin iqisu lill-immigranti bħala rigal u barka, kif jgħid li għandu jsir l-Papa Franġisku fl-Enċiklika tiegħu Fratelli Tutti (Ilkoll Aħwa). Huwa żied jgħid li l-Papa jrid li lill-immigranti nagħtuhom merħba, nipproteġuhom, nippromovuhom u nintegrawhom.

L-Arċiqof qal li aħna għandna responsabbiltà li bil-mod kif nilqgħu lill-immigranti, nistgħu nsibuhom bħala barka, kif jgħid il-Papa. Semma l-parroċċa ta’ Ħal Balzan li laqgħet aktar minn 100 immigrant fiha. Qal li kif kull meta nsiefru aħna nieħdu ħafna mill-kulturi li nżuru, issa nistgħu nitgħallmu wkoll mill-kultura tal-immigranti li hawn fostna. Fakkar li l-ekonomija ta’ Malta ddependiet ħafna fuq l-immigranti.

L-immigranti huma ħutna

L-Arċisqof Scicluna qal li l-immigranti li hawn fostna “huma ħutna għax huma u aħna għandna l-istess Missier, Alla l-Imbierek.”

Huwa qal li l-Papa jinsisti li l-fratellanza m’għandhiex fruntieri. Meta kkummenta dwar dak li jgħid il-Papa, jiġifieri li l-immigranti jistgħu jkunu rigal u barka, semma l-eżempju tal-ġenituri tiegħu li kienu emigraw lejn il-Kanada fejn imbagħad twieled hu.

“Missieri kien barka għall-post,” qal l-Arċisqof.

“F’kull familja,” qal l-Arċisqof, “għandna l-esperjenza tal-emigrazzjoni. Aħna l-Maltin u l-Għawdxin wieħed mill-inqas popli li nistgħu ngħidu li din il-ħaġa, jiġifieri li aħna lkoll aħwa, ma nifhmuhiex.”