Filmat: Jekk jirbaħ il-LE, nirrispettaw id-deċiżjoni, imma… – FKNK

Fl-intervista tal-ġimgħa fuq Newsbook, Mark Bonello mill-Federazzjoni Kaċċaturi, Nassaba u Kornservazzjonisti, l-FKNK, iwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalist Karl Wright issa li skattat il-kampanja għar-referendum tal-11 t’April li ġej.
Bonello, fost ħafna affarijiet oħrajn, jgħid li la l-Qorti Ewropea kienet qalet li Malta għandha dritt għad-deroga tal-kaċċa fir-rebbiegħa, is-sitwazzjoni qatt ma kellha tasal s’hawn.
Qal ukoll li l-fatt li l-Prim Ministru stqarr il-pożizzjoni tiegħu kien dritt u obbligu tiegħu.
Fl-intervista, ir-rappreżentant tal-FKNK, qal li jekk il-vot fir-referendum jagħti riżultat kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa, ikun ifisser awtomatikament vot kontra minoranzi oħra bħal dawk li jistadu u dawk dilettanti tan-nar.
Jgħid ukoll li ftit jew wisq u rrispettivament mir-riżultat, wara r-referendum se tikber il-polarizzazzjoni bejn l-ambjentalisti u l-kaċċaturi.
Fl-aħħar u mhux l-inqas, Bonello jgħid li d-direzzjoni lill-membri tagħha, l-FKNK se tagħtiha fil-mument li tara li hu opportun – li jista’ jkun fl-aħħar ġimgħa tal-kampanja. 
Dwar l-istennija tal-federazzjoni dwar turnout dakinhar tal-vot, Bonello qal li jixtiequ turnout qawwi ħafna li jkun jirrifletti l-qawmien mill-minoranzi. 
Jistqarr li jekk il-LE jirbaħ, l-FKNK tirrispetta r-riżultat imma ma teskludix li tuża d-drittijiet legali kollha possibbli, anki fl-UE.