Filmat: Jekk jibqa’ għaddej ix-xogħol tidħlux fl-iskola – MUT

Read in English.

Jekk ma jiqafx ix-xogħol f’żewġ siti ta’ kostruzzjoni biswit il-Middle School tar-Rabat Għawdex, l-għalliema qed jiġu ordnati biex ma jidħlux fl-iskola. Wara li llum rappreżentanti tal-Unjin tal-Għalliema (MUT) żaru l-iskola, ħarġu stqarrija li fiha qed jappellaw lill-Gvern biex waqt il-ħin tal-iskola ma jsirx xogħol ta’ kostruzzjoni. F’każ li minn nhar it-Tnejn ix-xogħol jibqa’ għaddej, l-għalliema se jkunu qed jirrappurtaw għax-xogħol fis-Senior School li tinsab fil-qrib.

Din l-iskola, fejn jattendu studenti tal-Form 1 u Form 2, tinsab bejn żewġ siti kbar ta’ kostruzzjoni, fuq naħa l-Iskola Primarja tar-Rabat u fuq in-naħa l-oħra l-pixxina.

L-istudenti se jkollhom skola?

Fi stqarrija, l-MUT sostniet li dawn il-proġetti qed jaffettwaw is-saħħa u s-sigurtà tal-għalliema u l-istudenti u l-istorbju tal-makkinarju mhux jippermetti li jsiru l-lezzjonijiet. “Lanqas konverżazzjonijiet ma jistgħu jsiru fil-kurituri, aħseb u ara lezzjonijiet fil-klassijiet”, tgħid l-MUT.

Filwaqt li dan hu xaqq ta’ tama għall-għalliema u l-istudenti, għalliema li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li jinsabu konfużi x’se jkunu qed jagħmlu fl-iskola l-oħra u jekk l-istudenti hux se jkollhom lezzjonijiet.  

“Storbju li jtarrax il-widnejn”

Għalliema li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt fl-aħħar ġimgħat qalu li minkejja l-wegħdi li se jieqaf, ix-xogħol baqa’ għaddej waqt il-ħinijiet tal-iskola. Il-Ministeru għall-Edukazzjoni kien qal ma’ dan is-sit, li x-xogħlijiet mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS) isiru wara l-ħin tal-iskola. Żied jgħid li ma rċevew l-ebda lmenti dwar ix-xogħol li għaddej minn naħa tal-Ministeru għal Għawdex.

“Lanqas nisimgħu l-vuċi tagħna stess”

L-għalliema saħqu li waqt il-lezzjonijiet lanqas ikunu jistgħu jisimgħu l-vuċi tagħhom stess bl-istorbju li jidħol mit-twieqi. Madanakollu “xorta bqajna bit-twieqi miftuħin biex nosservaw il-protokolli li ddaħħlu minħabba l-Covid-19″.

Waħda mill-għalliema qalet ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet li l-filmat li nġibed minn waħda mill-klassijiet tal-iskola, huwa biss 19-il sekonda ta’ dak li jgħaddu minnu kuljum. Żiedet tgħid li kull darba li ġew infurmati l-awtoritajiet, ix-xogħol kien jieqaf għal xi siegħa jew tnejn u jerġa’ jibda.

Fil-bidu ta’ dan ix-xahar tpoġġiet l-ewwel ġebla tal-Iskola Primarja tar-Rabat Għawdex.

Sorsi infurmati qalu ma’ Newsbook.com.mt li l-Kap tal-Iskola ġiet infurmata li wara l-btajjel ta’ Novembru, il-lezzjonijiet se jkunu jistgħu jsiru mingħajr storbju u trab mill-makkinarju. Madanakollu dan baqa’ għaddej.