Filmat: “Jekk issib lil xi ħadd rieqed barra, iċċempilx il-pulizija”

“Jekk issib lil xi ħadd rieqed barra d-dar tiegħek, iccempilx lill-pulizija għax jiġbruh u jitfgħuh Mount Carmel u jkissruh aktar. Minflok, offrilu kafè u itolbu jersaq bil-kelma t-tajba. Meta tkellmu bilmod tkun qisek tajtu €3 miljun. Jitlaq waħdu, serraħ rasek.”

Dan hu kliem Mark, li għex fit-triq għal erba’ snin. F’intervista fuq RTK ma’ Sylvana Debono isemmi kif meta kien jgħix barra fit-triq, sab nies li għinuh u jħallulu ħobża u fliexkun ilma u drabi oħra sab oħrajn li qajmuh bid-daqqiet ta’ ponn u t-theddid. Jgħid li xi drabi kien ibaxxi rasu u jitlaq ‘l hemm u ġieli waqa’ għall-provokazzjoni u spiċċa jiġġieled.

Mark ifaħħar l-għajnuna kbira li sab mill-Caritas tul tmintax il-sena biex ħeles mill-vizzju tad-droga u jgħid li issa qed jirsisti biex jagħmel dak li hu tajjeb biss. Jgħid li l-ikbar xewqa tiegħu hi li l-Gvern jafdalu binja żdingata biex bl-għajnuna ta’ nies li m’għandhomx saqaf fuq rashom jirranġaha għal dawn il-persuni li jkollhom bżonn fejn jistkennu, u hekk ipatti lura għal dak li rċieva hu.

Mistoqsi kemm hawn nies li jgħixu barra, Mark iwieġeb, “Mur sal-istazzjon ta’ Birkirkara biex tara kemm hawn nies bla saqaf fuq rashom.” Jgħid li meta kien jgħix barra fit-triq kien jiekol dak li jakkwista u ġieli spiċċa jisraq xi ħaġa tal-ikel minn ħanut, xi ħaġa li għaliha għandu kawża fil-qorti. Jgħid li ġieli raqad barra fix-xita b’biċċa kutra fuqu, bil-ħwejjeġ nodfa u maħmuġin kollha fuqu u jinħasel fil-latrini.

Ir-raġel ta’ 36 sena għandu t-tfal u jixtieq li jkollu relazzjoni ma’ ommu, imma jgħid li l-familja ma tridx taf bih. Jirrakkonta kif bid-droga spiċċa meqrud ta’ 16 il-sena wara li beda joħodha ma’ kumpanija ħażina. Jgħid li qed ifittex xogħol imma n-nies malajr isiru jafu dwar il-passat tiegħu u jiskartawh. Jinsisti li qed jagħmel minn kollox biex jibqa’ fit-triq it-tajba minkejja t-tentazzjoni ta’ nies li joffrulu d-droga b’xejn u joffrulu biex ibiegħ id-droga, xi ħaġa li jgħid li biha jista’ jaqla’ sa €2,000 kuljum. Jgħid li iżda qed iżomm sod, għax beda l-vjaġġ biex jikseb lura d-dinjità tiegħu.

L-artiklu bl-Ingliż jinsab hawn.