Filmat: Jekk int anzjan u tħobb tikteb…

Tnieda konkors ta’ kitba ta’ proża għall-anzjani għall-ewwel darba, “mill-anzjani għall-anzjani,” bi premji għal tliet rebbieħa.

Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis, li insista fuq l-importanza li l-anzjani jibqgħu attivi, u ma jħallux liż-żmien jirkibhom. Il-letteratura Maltija u l-kitba kreattiva għandhom iservu ta’ mod kif l-anzjani jokkupaw ruħhom u jħaddmu moħħhom.

Għalhekk, l-anzjani huma mħeġġa jibagħtu kitba ta’ mhux aktar minn 1,200 kelma. Huma jistgħu jibagħtu kitba waħda biss, li trid tkun oriġinali u qatt ma ġiet ippubblikata qabel.

It-tliet rebbieħa li jintgħażlu se jirċievu premjijiet ta’ €1,000, €500 u €250, skont jekk jiġux fl-ewwel, fit-tieni jew fit-tielet post rispettivament. Ir-rebbieħa jintgħażlu mill-Bord Qari għall-Anzjani fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, li hu magħmul minn Karmenu Camilleri, Edward Privitera, Rita Saliba u John Zammit.

L-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu hawn, inkella bil-posta fuq dan l-indirizz:

Segretarjat Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva,
Palazzo Ferreria,
Triq ir-Repubblika,
Il-Belt Valletta. 

Ara d-dettalji kollha hawn.