Filmat: “Jekk il-pandemija qed teqred lil uħud minna, lill-Malti qed issaħħu” – Prof. Briffa

X'fissret is-sena 2020 għal-lingwa Maltija?

prof charles briffa

Il-lingwista Prof. Charles Briffa qal li jekk il-pandemija qed teqred lil uħud minna, lill-Malti qed issaħħu. Prof. Briffa semma dan il-punt hu u jirrifletti fuq x’fissret din is-sena partikolari għal-lingwa Maltija waqt intervista ma’ Newsbook.com.mt.

Tul l-intervista, punt li baqa’ jinsisti fuqu kien li mhuwiex minnu dak li jgħidu bosta “li qed infarrku l-Malti” meta naddottaw xi kliem mill-Ingliż. Dan għaliex il-lingwa tibqa’ ħajja b’dan il-mod.

Din is-sena, il-lingwa rat ħafna kliem ġdid dieħel mill-Ingliż, jew forsi kliem li diġà kien jeżisti li ħa tifsira ġdida abbażi tal-kuntest li għexna, partikolarment minħabba l-pandemija li ddominatilna ħajjitna, fosthom il-kliem “lockdown,” “swab test” u “imxija.”

It-tsunami u x-xmara

Apparti l-kliem, kien hemm ukoll metafori li ntużaw ta’ sikwit minn persuni pubbliċi. Waħda li spikkat u damet tidwi s-sena kollha kienet dik tal-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, meta dan qal, darba war’oħra, li t-tsunami rridu nibdluh fi xmara.

Prof. Briffa spjega li t-tsunami juri qawwa kbira, xi ħaġa li taħtfek, u għalhekk, il-Ministru Fearne semma x-xmara, għax din, għall-kuntrarju, turi kalma, xi ħaġa li tista’ tiġi kkontrollata, bħall-influwenza ta’ kull sena, qal il-lingwista.

Il-kliem tal-2020

Fost il-kliem li semma Prof. Briffa li spikka l-aktar din is-sena, kien hemm:

  • Lockdown
  • Pandemija
  • Imxija
  • Distanza soċjali
  • Swab test
  • Vulnerabbiltà

Dwar il-lockdown, l-akkademiku spjega li din il-kelma kienet teżisti f’moħħna, imma għalina kienet kelma Ingliża li tfisser l-għeluq tal-ħabsin biex ma jkollhom kuntatt ma’ ħadd. Din is-sena, iżda, saret tfisser li ningħalqu d-dar.

Mistoqsi minn Newsbook.com.mt jekk stajniex użajna kelma bil-Malti minflokha, Prof. Briffa qal kieku stajna għidna “qfil,” iżda dan in-nom għandu konnotazzjonijiet negattivi. Barra minn hekk, “lockdown” saret Maltija, għax tajnieha ġens ukoll, billi fil-maġġoranza tad-drabi, nirreferu għaliha fil-maskil, pereżempju, “Il-lockdown spiċċa,” u mhux “spiċċat.”

Huwa ddistingwa wkoll bejn il-kliem “pandemija,” “epidemija” u “imxija.” Spjega kif “pandemija” tfisser epidemija li tinfirex mad-dinja kollha, jiġifieri għalkemm dan il-kliem għandu minn xulxin, m’għandux l-istess tifsira eżatta.

Imxija” kienet kelma li din is-sena reġgħet ħadet il-ħajja permezz tal-ġurnalisti, u li tfisser xi ħaġa li timxi, li tinfirex u tittieħed, għalhekk tissimbolizza t-tifrix tal-coronavirus perfettament.

Fl-intervista ssemmew ukoll it-termini “vulnerabbiltà“, “distanza soċjali,” u “swab test.” Fil-każ ta’ “vulnerabbiltà,” spjega Prof. Briffa, qed nirreferu għal xi ħadd dgħajjef, iżda t-tifsiriet taż-żewġ kelmiet mhumiex preċiżi. Minflok “distanza soċjali,” stajna għidna “bogħod minn xulxin,” imma billi mill-aħbarijiet ta’ madwar id-dinja bdejna nisimgħu “social distancing,” żammejna ma’ din il-frażi li hi eqreb għall-Ingliż. Fil-każ tal-iswab test, dan intgħaġen fil-lingwa Maltija bl-użu tal-vokali tal-leħen. Hemm ħa, urejtkom kif!

Prof. Briffa kkonkluda din id-diskussjoni billi qal li dawn l-eżempji juruna kemm il-lingwa hija verament ħajja, għax iżżomm ruħha aġġornata maż-żminijiet tal-lum.

Lil hinn minn dan, l-akkademiku u traduttur semma wkoll il-frażi “lejlet l-ewwel tas-sena,” li minnha nfisha, turina dak ta’ qabel u ġġibilna dak li ġej, Jannar, u l-kelma Jannar ġejja minn Janus, isem l-alla Ruman li għandu żewġt uċuħ: wieħed iħares ‘il quddiem, u l-ieħor iħares lura. Għalhekk, fi frażi bħal din, il-lingwa hija daqslikieku mera tal-kultura.

Kelma oħra li semma kienet il-kelma “strina,” ġejja mill-kelma Latina “strena,” li tfisser rigal ta’ gost. Spjega li din tradizzjonalment hekk kienet, għaliex kien hemm id-drawwa li jingħata rigal fl-ewwel tas-sena. Madankollu, f’Malta, din il-kelma ħadet bixra oħra meta bdiet issir l-Istrina, il-maratona ta’ ġbir ta’ fondi l-għada tal-Milied b’risq il-Malta Community Chest Fund.

Apparti hekk, hu rrefera għall-frażi “il-kumplament,” li nużaw ħafna f’dan iż-żmien tas-sena biex infissru “il-kumplament tal-ġid għall-kumplament tas-sena.”

U xi kliem ġie mfittex fuq l-internet din is-sena?
X’inhuma l-iktar kliem komuni li ġew imfittxija fl-2020?

L-aħħar parti tal-intervista ffukat aktar fuq il-kultura marbuta ma’ dan iż-żmien tas-sena.

Prof. Charles Briffa semma żewġ poeżiji, waħda miktuba minn Richard Taylor u oħra minn Dun Karm Psaila, li t-tnejn jixħtu dawl fuq drawwiet il-Maltin f’dan il-perjodu.

U l-qarinża smajt biha? Din kienet reċta li kienet issir fl-aħħar tas-sena biex tferraħ lin-nies u tagħtihom xewqat sbieħ għas-sena li ġejja. Raġel kien jagħmel tabirruħu li mejjet, sabiex jissimbolizza s-sena li għaddiet, filwaqt li mara kienet tirrappreżenta s-sena l-ġdida.

Wieħed mill-ippremjati kien Prof. Briffa
Il-Kardinal Mario Grech jingħata Ġieħ ir-Repubblika

Fl-aħħar mill-aħħar, l-appell ta’ Prof. Briffa għas-sena l-ġdida kien wieħed: li jekk il-lingwa nxekkluha, inkunu qed nagħmlulha l-ħsara, allura rridu nħalluha ħielsa biex tiżviluppa. Huwa addotta l-metafora tal-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne f’diskorsu, u qal li dan qisu xi ħadd li jrid jgħum fi xmara, u inti tridu jgħum, iżda torbotlu jdejh u saqajh.

L-istess lil-lingwa, irridu nħallulha spazju fejn tikber. Riżoluzzjoni għas-sena l-ġdida, forsi?

Awguri!