Filmat: “Jekk għandu jsir lockdown aħjar naqbdu u nagħmluh” – Martin Balzan

Read in English.

Dr Martin Balzan, il-President tal-unjin tat-tobba, il-MAM, qal li “jekk għandu jsir lockdown aħjar naqbdu u nagħmluh milli l-ewwel inħallu li jmutu n-nies u mbagħad nagħmlu lockdown.” Huwa qal li se josservaw jekk l-għadd ta’ każijiet jibqax fuq il-mitejn u li t-Tnejn jiltaqgħu biex jiddeċiedu x’deċiżjoni jieħdu.

Dr Balzan kien qed jitkellem waqt l-edizzjoni ta’ Newsbook Q&A is-Sibt waranofsinhar fuq Newsbook.com.mt li tmexxa minn Fr Joe Borg u Sylvana Debono.

Huwa spjega li “mal-Covid-19 trid tkun ġimagħtejn qablu u mhux tkun warajh kif qed jiġri issa.”

Mistoqsi jekk għandhiex tiġi dikjarata emerġenza nazzjonali tas-saħħa pubblika, Dr Balzan qal li jekk din tkun dikjarata jkun ifisser li s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika tista’ tiddeċiedi hi mingħajr il-Gvern. Żied jgħid li jidher li l-Prim Ministru minħabba l-ekonomija jixtieq li jkollu l-aħħar kelma.

Qal li jekk ma tkunx dikjarata din l-emerġenza, ir-responsabbiltà ta’ dak li jiġri tkun tal-Gvern.

Huwa qal li “mhux fair mal-Prof. Gauci li l-Gvern ibiddlilha l-proposti tagħha u mbagħad jgħid li l-affarijiet saru bi qbil magħha. Jien għandi informazzjoni li ġieli ġara hekk. Tas-saħħa pubblika jirrakkomandawlu numru ta’ miżuri; hu ma jaċċettax u mbagħad jgħid li qablu li ma jagħmluhomx.”

Mitlub jagħti eżempji, Dr Balzan qal li jippreferi ma jagħmilx dan.