Jekk persuna jkollha l-coronavirus għandha ssib lil xi ħadd li jkun jista’ jieħu ħsieb l-annimali tagħha.
Dan qalitu s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmaine Gauci fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt illum.
Il-Kunsillier tal-Fgura Adrian Tanti (PL) qal lil Newsbook.com.mt li rċieva rapporti ta’ nies li qed jabbandunaw l-annimali tagħhom għax qed jibżgħu li jlaqqtu l-coronavirus mingħandhom. Newsbook.com.mt staqsa lil Prof. Gauci għall-pariri tagħha dwar dan.
“Kien hemm sitwazzjonijiet fil-litteratura barra minn Malta fejn kien hemm annimali li ġew tested li huma pożittivi. Milli jidher s’issa jidher li jista’ jkun li l-annimal jittieħed minn persuna li tkun pożittiva imma s’issa m’hemmx indikazzjoni li l-annimal jista’ jgħaddiha lura lill-bniedem,” qalet il-Prof. Gauci.
Prof. Gauci qalet li l-parir tal-awtoritajiet huwa li jekk xi ħadd jimrad bil-coronavirus jekk ikun jista’ għandu jsib lil xi ħadd li jkun jista’ ħsieb l-annimali tiegħu. Appellat lin-nies biex ma jabbandunawx l-annimali.
L-Assoċjazzjoni tal-Veterinarji f’Malta (MVA) qalet li filwaqt li m’hemm l-ebda evidenza li turi trażmissjoni tal-coronavirus mill-annimali għall-bniedem, hija tissuġġerixxi li jekk xi ħadd iħossu ma jiflaħx, dan jevita kuntatt dirett mal-annimali domestiċi tiegħu.