Aġġornata: OnePlus toħroġ aġġornament tas-sistema teknika għall-emerġenza

Il-kumpanija tal-mowbajls OnePlus ħarġet aġġornament tas-sistema biex issolvi problema teknika li ma kienetx qed tħalli lil xi wħud iċemplu lis-servizzi tal-emerġenza.
Wieħed jista' jniżżel dan l-aġġornament billi jidħol fis-settings, u jaċċetta li jniżżel l-aħħar aġġornament tas-sistema.
One Plus ammettiet pubblikament li wħud mill-aħħar mudelli tal-OnePlus 5 fihom difett tekniku li ma jħallux lin-nies iċemplu lis-servizzi tal-emerġenza.
Dan id-difett ġie rrappurtat riċentament fuq is-sit Reddit, fejn klijent wera filmat tal-One Plus 5 tiegħu jintefa’ u jixgħel waħdu hekk kif dan ċempel fuq il-linja tal-emerġenza 911.
Oħrajn ilmentaw li meta ċemplu 999 fl-Ingilterra jew 112 fl-Ewropa kellhom l-istess problema.
Bi prezzijiet pjuttost ekonomiċi, il-OnePlus 5 bħalissa qed jikkompeti mal-iPhone 7 u s-Samsung Galaxy S8.
Għalkemm s'issa f'Malta ħadd ma lmenta li kellu din il-problema, inħeġġu lill-qarrejja biex ikunu responsabbli u ma jċemplux 112 għalxejn.