Filmat: Jason Azzopardi mal-PN jew mas-soċjetà ċivili?

Read in English.

Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi ma jara xejn ħażin li jkun assoċjat mas-soċjetà ċivili fl-istess ħin li huwa Membru Parlamentari mal-Oppożizzjoni.

Mistoqsi mill-Professur Andrew Azzopardi fuq l-istazzjon 103 Malta’s Heart jekk hux mal-Partit Nazzjonalista jew mas-soċjetà ċivili, Jason Azzopardi ma ra l-ebda problema u stqarr li hu kburi li ilu fil-Parlament milll-1998.

Qal li hu viċin ħafna tas-soċjetà ċivili għaliex stqarr li dawn l-għaqdiet flimkien mal-Partit Nazzjonalista jaqblu fuq ħafna affarijiet imma mhux f’kollox. Semma fost l-oħrajn li jaraw lill-istituzzjonijiet jaħdmu, is-serjetà u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Qal li dawn kollha jaqgħu taħt is-saltna tad-dritt (rule of law).

800 tessera ġdida fil-PN

Jason Azzopardi qal li l-Partit Laburista qed iħossu skomdu għaliex qed jara lill-Partit Nazzjonalista jissaħħaħ. Spjega dan billi qal li l-PN irreġistra 800 tessera ġdida fl-aħħar ġimgħat u qal li fosthom hemm ħafna żgħażagħ.

Mistoqsi jispjega għaliex jaħseb li l-PL qed iħossu skomdu meta għandu lill-eks MEP Miriam Dalli fil-grupp parlamentari tiegħu, Jason Azzopardi sostna li propju għalhekk jaħseb li l-PL jinsab skomdu għaliex kellu jġib lil Miriam Dalli minn Brussell biex jissaħħaħ fil-Gvern.

X’jimmotivak li tibqa’ tiġġieled?

Jason Azzopardi qal li huwa jirċievi kull tip ta’ theddid u anki tgħajjir u offiżi dwar ommu u missieru li huma mejtin. Azzopardi insista li minkejja dan kollu huwa jkompli jaħdem u jagħmel xogħlu b’sens ta’ dover.

Mistoqsi jgħid jekk din il-ġlieda kontra l-korruzzjoni hux qed tagħtih platform fil-politika, Azzopardi qal li mhux veru u spjega kif hu jagħmel iljieli ma jorqodx minħabba l-informazzjoni li jaf u ma jistax jitkellem dwar ċertu dettalji li ħaddieħor afdah bihom.

Stqarr li s-sewwa jrid jirbaħ u għalhekk qed jaħdem għal dan l-għan.

Fil-programm, Jason Azzopardi ġie mistoqsi wkoll dwar l-investigazzjonijiet li għaddejjin b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Azzopardi żvela wkoll dak li wieħed mill-akkużati fil-każ qal mal-Pulizija dwar każi serji oħra li ġraw f’Malta u għadhom qed jiġu investigati.

Huwa sellem lill-Pulizija meta qal li “b’sens ta’ dedikazzjoni qed jinvestigaw dawn il-każijiet”.